Edukazzjoni
Jinfetaħ ċentru ta’ taħriġ għall-għaddasa fl-ITS tal-Qala

L-industrija li tiġbed eluf ta’ għaddasa kull sena lejn il-gżejjer Maltin issa se tkompli tkun iktar sostenibbli bl-inawgurazzjoni ta’ kampus ġdid tal-iskola internazzjonali tas-sikurezza tal-għadds u l-mediċina u kors ġdid ta’ baċċellerat.

L-iskola internazzjonali twaqqfet erba’ snin ilu fil-bini tal-Istitut għall-Istudji Turistiċi fil-Qala, Għawdex.

L-iskola internazzjonali tas-sikurezza tal-għadds u l-mediċina issa għandha l-binja tagħha.

Din ġiet inawgurata b’investiment ta’ €60,000 fil-kampus tal-Istitut tal-Istudji Turistiċi fil-Qala, Ghawdex.

L-iskola internazzjonali twaqqfet fl-2017 permezz ta’ ftehim konġunt bejn l-ITS u DAN Europe b’kollaborazzjoni mal-Assoċjazzjoni tal-Iskejjel tal-Għadds Professjonali.

Il-Kap Ezekuttiv tal-ITS Pierre Fenech qal li din l-iskola internazzjonali se tkun qed toffri l-ewwel kors tax-xorta tiegħu fid-dinja – baċellerat fix-xjenza fil-ġestjoni tas-sikurezza tal-għadds.

Huwa qal li l-kors huwa maħsub biex jgħallem nies dwar kif imexxu ċentru tal-għaddasa u kif jidhlu iktar fid-dettall fl-industrija tal-għadds.

“L-intenzjoni tagħna hi li ngħallmu nies kif imexxu ‘dive centres’ u kif jidħlu iktar fid-‘diving industry’ u jibqgħu telgħin sa degree kif ukoll nies li diġà qed jaħdmu fis-settur u jridu jtejbu l-‘business’ taghhom. Irridu naslu sa kwalità iktar għolja biex din l-industrija tkun dejjem iktar sostenibbli”.

Dan il-kors-pijunier sab ukoll l-interess tal-PADI – l-assocjazzjoni ta’ ghalliema professjonali ghall-ghaddassa – li ffirmat ftehim fil-prinċipju mal-ITS.

Il-ftehim jistabilixxi relazzjoni siewja u produttiva biex javvanza studji akkademiċi u kredenzjali fl-industrija tal-għadds.

Il-Professur Alessandro Marroni minn DAN Europe qal li Malta għandha l-kredenzjali kollha biex l-assoċjazzjoni PADI tiċċertifika studenti li se jsegwu l-kors fl-Istitut għall-Istudji Turistiċi f’Għawdex.

“Malta was one of the very first countries to ask for a director of diving to be a figurehead and present in every diving centre, so Malta was the appropriate destination where to locate an institution like DAN which is aimed at diving safety, medicine and education”.

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri qal li kull sena n-numru ta’ turisti li jżuru Għawdex u Malta speċifikament għall-‘scuba diving’ qed jiżdied u dan id-delizzju jifforma sors importanti għall-ekomija Għawdxija.

Huwa qal li ghalhekk huwa importanti li din l-industrija tal-‘scuba diving’ tibqa’ sostenibbli u innovattiva.

Il-Ministru ghat-Turiżmu Clayton Bartolo qal li l-kampus tal-iskola internazzjonali tal-għads u l-mediċina u l-kors li se tibda tipprovdi ipoġġu lil Malta fit-triq biex tkun ċentru ta’ eċċellenza turistika.

Huwa qal li fil-ġimgħat li ġejjin ċ-ċentru tal-għads se jkunu offruti kors b’xejn dwar il-kwalità tal-arja fiċ-ċlindi u l-kumpressuri tal-għads.