Qasam soċjali
Jinfetaħ il-kumpless Rużar Briffa f’San Vinċenz bid-doppju tas-sodod

Inawgurat ix-xogħol ta’ restawr u titjib fil-faċilitajiet tal-Kumpless Rużar Briffa, f’San Vincenz de Paule. Ix-xogħol sar b’investiment mill-Gvern ta’ ħmistax-il miljun Ewro, u apparti t-titjib fid-dehra ssarraf ukoll f’titjib fil-livell ta’ servizzi li jingħataw lill-anzjani.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ San Vinċenz, Josianne Cutajar, qalet li qabel beda x-xogħol, din il-parti tal-isptar kienet fi stat mitluq ħafna. “Din hija binja storika li fis-sena 2015 kienet f’salib it-toroq, ridna naraw jekk tingħalaqx għax ma kinitx ta’ standard u dinjità li fiha jiġu kkurati l-anzjani, jew li ninvestu u nġedduha u nippriservawha mill-ġdid.”

Dr Cutajar spjegat li ttieħdet id-deċiżjoni li minflok titwaqqa’ u tinbena mill-ġdid, isiru xogħlijiet ta’ titjib fl-istrutturi eżistenti, xi tkabbir, restawr u xogħlijiet ċivili oħrajn biex kemm jista’ jkun jiġi rispettat il-valur storiku tal-binja.

Mifrux fuq ħdax-il elf metru kwadru ta’ art, il-kumpless għandu 265 sodda, aktar mid-doppju li kien jesa’ qabel. Apparti dawn is-sodod għar-residenti, il-Kumpless Rużar Briffa se joffri servizzi anke lill-anzjani li jgħixu fil-komunità. Minn hawnhekk il-professjonisti se jkollhom ċentru minn fejn jistgħu jagħmlu r-riċerka.

“Hawnhekk se jkollna servizzi ta’ X-Rays, hydrotherapy, occupational therapy u diversi servizzi oħrajn li r-residenti, kemm ta’ San Vinċenz de Paule u eventwalment anke l-anzjani fil-komunità, ikunu jistgħu jingħataw l-attenzjoni, isiru l-investigazzjonijiet u jekk ikun hemm bżonn anke l-kura hawnhekk fid-day hospital, li qed nistennew li jinfetaħ fil-ġimgħat li ġejjin,” fisser il-Ministru għall-Anzjani u l-Anzjanità Attiva Michael Farrugia.

B’dawn l-iżviluppi, il-Ministru Farrugia qal li San Vinċenz de Paule qed jagħmel pass ieħor biex minn ċentru ta’ residenza jsir ċentru ta’ eċċellenza għall-anzjani.