Lokali
Jinġabru 3,600 tunnellata ta’ skart f’xahar

F’xahar, id-Diviżjoni tat-Tindif u l-Manutenzjoni ġabret 3,600 tunnellata ta’ skart li jvarja minn dak miġbur mit-toroq, mormi llegalment u alka mill-bajjiet. L-awtoritajiet qed jappellaw biex il-pubbliku jżomm iktar l-indafa f’postijiet pubbliċi u japprezza iktar ix-xogħol li qed isir mid-Diviżjoni tat-Tindif u l-Manutenzjoni li dalgħodu żanżnet uffiċini ġodda f’Ħal Luqa biex tkun tista’ topera aħjar minnhom.

Kienu inawgurati uffiċini ġodda f’Ħal Luqa minn fejn id-Diviżjoni tat-Tindif u l-Manutenzjoni se tkun qed topera l-ħidma li twettaq ta’ tindif madwar il-gżejjer Maltin.

Id-direttur tad-diviżjoni Ramon Deguara qal li l-istrateġija mwettqa mid-diviżjoni qed tiffoka fuq id-diversifikazzjoni u fl-istess waqt qed issaħħaħ l-effiċjenza tal-operazzjonijiet permezz tal-użu tat-teknoloġija.

Qal, li bi proġetti pilota qed jinbidel il-mod kif isir it-tindif fil-gżejjer Maltin bi tqegħid ta’ kontenituri tal-iskart f’postijiet strateġiċi li huma programmati biex huma stess jibagħtu sinjal xħin għandhom jitbattlu.

“Din ġabet ukoll effiċjenza fl-operat tagħna jiġifieri sebgħa u tmenin fil-mija tal-vjaġġi bit-trakkijiet jew vannijiet li konna nagħmlu biex jitbattlu dawn il-kontenituri llum qegħdin litteralment iffrankati ovvjament dan jgħodd ukoll ħafna għall-użijiet oħra tat-teknoloġija li se nkunu qegħdin nagħmlu.”

Is-Sur Deguara qal li d-diviżjoni għandha wkoll pjani biex toffri faċilitajiet għall-entitajiet kummerċjali biex jiddisponu mill-iskart u qed tippjana proġetti ta’ intelliġenza artifiċjali li għandhom l-għan li jidentifikaw postijiet fejn jintrema l-iskart illegalment.

Sostna, li dan kollu jgħaqqad mal-ħidma li twettqet mid-diviżjoni matul il-pandemija, bil-ħaddiema tad-direttorat jaħslu diversi żoni fil-pajjiż, bi tnax-il miljun litru ilma jintużaw biex ikopru mija u sebgħin elf kilometru ta’ toroq u bankini flimkien ma’ żoni pedonali.

Il-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur, Clayton Bartolo qal li qed isiru l-isforzi kollha biex pajjiżna jinżamm aktar nadif u sigur b’servizzi estensivi ta’ tindif, manutenzjoni u infurzar.

Qal, li wieħed mill-proġetti kienet il-kampanja ‘Insebbħu Pajjiżna’, li f’perjodu ta’ xahar, inġabru 630 tunellata ta’ skart mit-toroq, 270 tunellata ta’ skart tal-kostruzzjoni mormi llegalment kif ukoll inġabru 2,700 tunellata ta’ alka minn diversi bajjiet apparti minn xogħoljiet ta’ manutenzjoni li saru fit-toroq tagħna.

“Filwaqt li qed isir dejjem iżjed progress nappella għal iżjed responsabbiltà b’mod partikolari għal kif tidħol l-indafa pubblika. Jien ma nistax nifhem kif għandna dawn is-servizzi kollha għad-dispożizzjoni tar-residenti u xorta jkollna min imur jarmi barra, xi ħaġa li ma tagħmilx sens u allura nappella iżjed għar-responsabbiltà għax aħna rridu nkunu ċittadini responsabbli biex pajjiżna jkun verament isbaħ u iktar nadif.”

Is-Segretarju Parlamentari għall-Protezzjoni tal-Konsumaturi u l-Indafa Pubblika, Deo Debattista qal li d-Diviżjoni għat-Tindif u Manutenzjoni qed timpenja ruħha bis-sħiħ biex l-indafa pubblika tkun sostnuta. Qal, li l-kooperazzjoni tal-pubbliku hija essenzjali biex tinżamm l-indafa pubblika u l-pajjiż ikun jista’ jitgawda minn kulħadd.