Lokali
Jinġabru kilo loqom tas-sigaretti mill-bajja tal-Kalkara

Bis-sħana tkompli tikkarga u b’aktar nies ifittxu x-xtut u l-bajjiet, l-iskart f’dawn il-postijiet jiżdied ġmielu anke jekk l-uffiċjali mill-Ministeru għall-Ambjent qed jinnutaw titjib meta mqabbel mas-sena li għaddiet. Minkejja li r-rimi ta’ skart fil-bajjiet u l-baħar donnu qed jonqos, mhux l-istess jista’ jingħad għal-loqom tas-sigaretti għax f’temp ta’ siegħa minn bajja żgħira fil-Kalkara nġabru aktar minn kilo loqom tas-sigaretti.

Joseph Magro sikwit jgħodds bin-nifs fil-bajja ta’ Rinella, mhux biex jara l-ħut jew il-fauna f’qiegħ il-baħar iżda biex itella; l-iskart li persuni li jiffrekwentaw iż-żona jitfgħu b’mod irresponsabbli b’dannu kbir għall-eko-sistema u l-ħajja fil-baħar.

B’idejh mimlijin flixken u bottijiet, is-Sur Magro inzerta qed jiġbor l-iskart waqt li l-ħaddiema u s-segretarjat tal-Ministeru għall-Ambjent ħadu l-inizjattiva li jqattgħu nofstanhar inaddfu l-bajja fil-Kalkara bħala parti mill-kampanja ‘Saving Our Blue’ li qed issir għat-tieni sena. Il-ħaddiema ġabru għadd kbir ta’ skart mir-ramel u x-xtajta, kif spjegatilna l-assistent prinċipal fil-Ministeru, Ramona Borg.

“Għalkemm qed naraw li kull sena qed naraw progress eżempju llum fi ftit ħin ġbarna kilo loqom tas-sigaretti f’madwar siegħa. Importanti li hekk kif ninsabu fis-sajf u mmorru BBQ’s nużaw alternatives għal plastik li jintuża darba biss bħa tazzi, pożati u kull ħaġa li wieħed jista’ jieħu bħala re-usable huwa tajjeb li nagħmlu hekk”.

Il-Ministru għall-Ambjent, Aaron Farrugia qal li l-baħar u x-xtut huma wirt ta’ kulħadd li jeħtieġ nipproteġuhom għalina u għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin.

“Ingħaqadna flimkien, ġejna f’din il-bajja u ġbarna ħafna materjal li faċilment jispiċċaw fil-baħar u jdumu għexerien ta’ snin sakemm jiddiżintegraw”.

Il-plastik hu fost l-aktar li jagħmel ħsara lill-ispeċi u l-ħajja fil-baħar. Fl-Ewropa, kull sena jiġu ġġenerati madwar 26 miljun tunnellata ta’ skart tal-plastik. F’Malta, iċ-ċifri tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika juru li f’temp ta’ erba’ snin, dan it-tip ta’ skart naqas bin-nofs – minn kważi elfejn tunnellata fl-2013 għal elf tunnellata fl-2017.