Infrastruttura
Jingħalaq parti mix-xatt tal-Balluta minħabba periklu li tisfronda l-istruttura

Parti żgħira mill-promenade ta’ San Ġiljan, quddiem il-Knisja tal-Madonna tal-Karmnu, ingħalqet bħala prekawzjoni, hekk kif bdiet tidher li mhux sigura.

Il-Ministru Ian Borg qal fuq il-midja soċjali li l-periti ta’ Infrastructure Malta nnutaw periklu f’din l-istruttura li nbniet fl-2003.

Permezz tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet hemm kkollaborazzjoni mal-Kunsill Lokali San Ġiljan, ma’ Transport Malta u ma’ Infrastructure Malta, ħalli jkun investigat x’wassal għal din is-sitwazzjoni, waqt li tiwettaq il-ħidma meħtieġa biex din l-istruttura ta’ kolonni u arkati merfugħa fuq il-baħar tiġi rranġata u msaħħa mill-aktar fis.

Il-Ministru Borg żied jgħid li minkejja li dawn diġa jsiru b’mod regolari, talab xorta waħda li ssir spezzjoni tal-istrutturi kollha ta’ dan il-promenade u ta’ oħrajn bħalhom.