Lokali
Jingħalqu temporanjament 2 fergħat tal-BOV minħabba każi ta’ Covid

Il-fergħat tal-BOV tal-Balluta u tal-Imqabba se jingħalqu b’mod temporanju mil-lum wara li impjegat f’kull fergħa rriżulta pożittiv għall-Covid-19.

Fi stqarrija, il-BOV ħabbar li l-fergħat se jiġu ddiżinfettati skont il-linji gwida tal-Awtoritajiet tas-Saħħa. Żied, li f’każ li jkun hemm xi individwi li setgħu ġew esposti għall-virus dawn se jiġu infurmati mill-Awtorità tas-Saħħa bħala parti mill-protokoll tal-contact tracing.

Il-klijenti huma mħeġġa li qabel iżuru fergħa tal-BOV jiċċekkjaw jekk il-fergħa tagħhom ġietx milquta fuq https://www.bov.com/content/bov-branches-covid.

Il-BOV ħeġġeġ lill-klijenti wkoll biex inaqqsu r-riskju ta’ kuntatt u jużaw l-ATMs, il-BOV Internet Banking, il-BOV Mobile Banking, il-BOV Pay u l-BOV Debit u l-Credit Cards għall-ħtiġijiet bankarji tagħhom u pagamenti. Klijenti li jeħtieġu servizzi mhux relatati mal-kaxxier bħal self għad-djar, self personali, investimenti, ftuħ ta’ kontijiet u applikazzjonijiet għal servizzi ġodda huma mitluba jagħmlu appuntament mal-fergħa tagħhom fuq https://www.bov.com/Assistants/set-an-appointment, jibagħtu email fuq [email protected] jew iċemplu fuq 21312020.

Intant, il-Bank of Valletta qal li se jkompli jieħu l-miżuri kollha meħtieġa fl-aħjar interess u sigurtà tal-klijenti u tal-impjegati tiegħu. Fakkar lill-klijenti li meta jżuru l-bank għandhom dejjem isegwu l-prekawzjonijiet neċessarji bħad-distanza soċjali, l-ilbies tal-maskra u l-użu tas-sanitiser.