Lokali
Jingħata bidu għall-ġimgħa għas-Servizz Pubbliku 2020

Bit-tema ‘Dejjem Miegħek’ is-Segretarju Permanenti Ewlieni Mario Cutajar nieda l-ġimgħa ddedikata għas-Servizz Pubbliku. Fl-aħħar xhur sar studju dwar il-ħidma tas-servizz pubbliku li minnhom ħareġ li b’mod ġenerali l-poplu qed jara titjib sinifikanti u jħoss li sar ħafna xogħol biex ikunu introdotti servizzi ġodda li jressqu s-servizzi tal-Gvern eqreb tan-nies.

Is-Servizz Pubbliku joffri mal-2,000 servizz kuljum u f’sena jsiru mat-13-il miljun interazzjoni bejn l-entitajiet governattivi u l-pubbliku.

Dan qalu s-Segretarju Permanenti Ewlieni Mario Cutajar filwaqt li nieda l-ġimgħa għas-Servizz Pubbliku li matulha jingħata rendikont tal-ħidma li jagħmel f’diversi oqsma u tkun rikonoxxuta l-ħidma tad-dipartimenti governattivi u l-ħaddiema taċ-ċivil. Is-Sur Cutajar qal li quddiem l-Ombudsman tressqu 290 ilment li huwa n-nofs ta’ dak li tressqu tmien snin ilu. Qal li dan juri li d-950 miżura ta’ riformi qed jagħtu l-frott mixtieq.

Dwar il-fiduċja tal-pubbliku fis-Servizz Pubbliku, is-Sur Cutajar qal li Malta tinsab 18-il punt perċentwali ogħla mill-medja Ewropea. Sostna li 61% tal-poplu jemmen lis-servizzi għall-pubbliku tjiebu filwaqt li 64% qalu li għandhom għarfien tat-tiġdid li sar fis-Servizz Pubbliku.

Il-pass li jmiss qal is-Sur Cutajar huwa li ser jinbena qafas strutturali għar-remote working wara li fl-aħħar xhur intuża b’mod effettiv it-teleworking. Spjega li din is-sena ser isir dan kollu se jissaħħaħ biex ikompli jeċċella s-Servizz Pubbliku.

“Biex naraw id-difetti li għandna jekk immorru naħdmu remote working, qed nagħmel differenza bejn dak li hu teleworking u remote working jiġifieri naqilbu aktar strutturat, kien hemm diġà l-pjan tant li għandna pilot project għaddej li beda s-sena l-oħra fuq remote working għax irridu nibbażaw fuq ir-remote working biex inkunu aktar flessibbli u biex nagħtu bilanċi ġodda bejn il-ħajja u x-xogħol.”

Is-Sur Cutajar qal li din is-sena l-avvanżi pożittivi li saru fis-servizz pubbliku kienu rikonoxxuti anke bi studju li sar minn tliet riċerkaturi li ħadmu flimkien biex jananlizzaw dak li sar u anke dak li qed jippjana s-servizz pubbliku. Dan sabiex iħejji ruħu għall-futur fosthom bl-introduzzjoni tat-teknoloġija moderna.

L-istudju sar minn Dr Vincent Marmara, Dr Emanuel Camilleri u Prof Frank Bezzina. Mill-istudju ħareġ li t-temi li l-Gvern qed iħares lejhom għall-ġejjieni huma r-responsabiltà etika fl-immaniġġjar tal-intelliġenza artifiċjali u t-tekonoloġija tal-blockchain.