Qorti
Jingħata l-annullament għax martu żżewġitu għall-flus

Raġel Malti ngħata l-annullament mill-Qorti, li kkonkludiet li martu kienet iżżewġitu bil-għan biss li takkwista ftit flus.

Il-Qorti semgħet lir-raġel jgħid kif kien iltaqa’ ma’ martu fis-sena 2000, u wara relazzjoni ta’ sena ħarġet tqila. Huwa kien ferħan bit-tarbija għax kien għal qalbu fir-relazzjoni, iżda meta twieldet kellu jqatta’ 9 xhur jaħdem barra.

Jgħid li meta reġa’ niżel Malta dam sena biex sab xogħol, iżda sadanittant irranġa post tal-ġenituri tiegħu fil-Birgu, fejn marru jgħixu bħala familja. Maż-żmien huwa beda jaħdem, u s-sieħba tiegħu kienet tieħu l-benefiċċji soċjali u bdiet taħdem b’mod każwali meta  binhom għalaq sentejn.

Bejniethom bdew iqumu argumenti għax il-mara riedet tibqa’ tiddeverti bħal meta kienu għadhom bla tfal, u hu xtaq li jqattgħu iktar ħin ma’ binhom. Fl-2008 kellhom tarbija oħra iżda l-omm baqgħet tal-istess fehma.

Jgħid li l-post tal-Birgu kien żgħir għal erbgħa min-nies, u finalment irnexxielu jikkonvinċi lis-sieħba biex tibda taħdem b’mod fiss ħalli jixtru post bejniethom fix-Xgħajra. Biex ikun jista’ jagħmel dan l-akkwist kien irċieva l-ammont tad-depożitu mingħand il-ġenituri tiegħu.

Isostni li kien biss wara li ffirma l-konvenju li omm uliedu bdiet tagħmillu pressjoni biex jiżżewġu, u qaltlu li jekk ma jiżżewġux mhux se tidħol għall-kuntratt. Għalhekk hu aċċetta u żżewġu malajr biċ-Ċivil.

Jisħaq li martu baqgħet ma bidlitx l-atitudni tagħha fir-rigward tad-divertiment, u wara tliet xhur sar jaf li kellha relazzjoni ma’ raġel ieħor.

Il-Qorti, ippreseduta mill-Imħallef Abigail Lofaro, qieset li l-mara ma kienet ressqet l-ebda risposta għall-allegazzjonijiet ta’ żewġha, u għalhekk kellha tistrieħ fuqhom.

Meta kkunsidrat ix-xenarju kollu, il-Qorti kkonludiet li l-mara kienet iżżewġet biss biex meta jinfirdu, ikun imissha parti mid-depożitu mħallas fuq il-post.

Fil-fehma tal-Qorti dan juri li l-għoti tal-kunsens tal-mara ma kienx validu, u għalhekk iż-żwieġ kellu jiġi annullat.

Aħbarijiet Oħra
Relazzjonijiet Industrijali

L-Air Malta keċċiet 69 bdot wara li fi stqarrija ddikjarat li taħditiet mal-Union tal-Bdoti, l-ALPA, fallew. Il-linja nazzjonali tal-ajru qalet li t-taħditiet kellhom l-għan li jevitaw is-sensji, fl-istess waqt li…

Lokali

Inawgurati l-uffiċini l-ġodda taċ-Ċentru tal-Medjazzjoni fil-Belt. F’dan iċ-ċentru, iż-żewġ partijiet li jkollhom kwistjoni bejniethom jistgħu jagħżlu li jippruvaw jaslu għall-ftehim qabel jirfsu l-għatba tal-Qorti, u jtemmu tilwima bejniethom b’anqas spejjeż…

Kultura

L-ismijiet tal-frontliners kollha Maltin fil-ġlieda kontra l-COVID-19 ġew inklużi fuq libsa ddisinjata lokalment, f’ġest kreattiv ta’ apprezzament lil dawk kollha involuti f’din il-ħidma, li għadha għaddejja. L-organizzatur tal-Malta Fashion Week…

Solidarjetà

Familja Maltija li kellha każ ta’ Covid-19, kif għadda kollox b’wiċċ il-ġid, tat €1,000 lill-Kummissjoni Emigranti biex bihom tgħin refuġjati li hawn f’Malta. Din id-donazzjoni wasslet biex bdew jitqassmu xirjiet…

Aktar