Qorti
Jingħata l-ħelsien mill-arrest ir-raġel li aggredixxa Pulizija f’Ħal Safi

Uffiċjal tas-sigurtà stazzjonat fl-isptar Mater Dei, tressaq il-Qorti akkużat fost l-oħrajn li hedded, attakka u kkawża ġrieħi ħfief lil uffiċjal tal-pulizija, li m’obdiex l-ordnijiet tal-pulizija, li kien fis-sakra u kiser il-paċi pubblika u li sar riċediv.

Il-każ seħħ fis-sigħat bikrin tas-Sibt filgħodu f’Ħal Safi fejn Reuben Boyce ta’ 46 sena residenti ż-Żurrieq spiċċa biex ta daqqa ta’ ponn lil kuntistabbli Leander Spiteri wara li dan flimkien ma’ uffiċjali oħra marru fil-każin ta’ San Pawl f’Ħal Safi sabiex jitfu s-sound.

Fil-Qorti permezz tal-Avukat Dustin Camilleri, Boyce wieġeb li mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih u talab għall-ħelsien mill-arrest. Il-prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Charlotte Curmi, oġġezzjonat għax qalet li bħalissa hemm il-festa ta’ Ħal Safi u l-ġimgħa d-dieħla se jkun hemm il-festa ż-Żurrieq fejn hu residenti l-akkużat. Qalet li ma jistax jgħaddi l-messaġġ li fil-perjodu tal-festi wieħed iġib ruħu ħażin, jagħmel li jrid, jisker u jħebb għall-forzi tal-ordni.

Id-difiża argumentat li l-akkużat huwa presunt innoċenti, jgħix u jaħdem f’Malta, huwa miżżewweġ u għandu żewġt itfal. Argumentat ukoll li dan kien inċident iżolat u l-biża’ li jerġa jirrepeti ruħu hija remota ħafna.

Il-Maġistrat Aaron Bugeja laqa’ t-talba għall-ħelsien mill-arrest b’diversi kundizzjonijiet fosthom li ma javviċinax ix-xhieda tal-prosekuzzjoni, li jiffirma l-għassa taż-Żurriq darbtejn fil-ġimgħa u ma jersaq għall-ebda festa sakemm jinqata’ l-każ.

Il-Qorti ħarġet ukoll ordni ta’ protezzjoni għall-kuntistabbli Spiteri sas-sentenza finali.

Ara wkoll:

Kuntistabbli aggredit meta mar biex jitfi l-mużika f’każin f’Ħal Safi