Qorti
Ħelsien mill-arrest wara li ġie mixli li mmasturba quddiem minorenni f’bandli f’Raħal Ġdid

Ahmed Osman Ibrahim, Somalu ta’ 36 sena li jgħix il-Marsa wieġeb mhux ħati għall-akkuża li beda jimmasturba fi Ġnien Pawlu Boffa f’Raħal Ġdid.

Ir-raġel, li jaħdem fil-ġebel, ġie arrestat il-Ħadd filgħaxija wara rapport li sar minn minuri mal-Pulizija.

L-Ispettur Sarah Zerafa argumentat li dawn huma atti immorali fil-pubbliku u li l-akkużat inqabad ukoll mill-kameras tas-sigurtà.

Id-difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest. Madanakollu, il-Prosekuzzjoni oġġezzjonat minħabba li qalet li r-raġel ma weriex rimors għal għemilu.

Il-Qorti ordnat li l-akkużat jingħata l-ħelsien mill-arrest b’diversi kundizzjonijiet fosthom li ma jaħrabx minn Malta u li jiffirma l-Għassa tal-Ħamrun tlitt ijiem fil-ġimgħa u li jkun ġewwa sal-10pm. Il-Qorti ordnat garanzija personali ta’ €500.

L-avukat li deher għall-akkużat hu Joseph Bonnici mill-għajnuna legali.