Qorti
Jingħata l-ħelsien mill-arrest wara li nqabad bil-kokaina u b’eluf f’kontanti

Raġel ta’ 28 sena tressaq il-Qorti akkużat b’pussess ta’ droga mhux għall-użu esklussiv tiegħu, kif ukoll b’ħasil ta’ flus.

Fil-Qorti l-prosekuzzjoni spjegat kif wara tagħrif li l-Pulizija waslilha dwar Sharlon Bugeja mill-Għargħur, intalab mandat t’arrest għalih.

Fil-15 ta’ Ġunju Bugeja ġie arrestat, fejn fil-karozza tiegħu fin-Naxxar instabet id-droga, kif ukoll f’ razzett fil-Għargħur, b’total ta’ madwar 100 gramma.

Fil-vettura li kien fiha nstabu wkoll €17,000 f’kontanti, waqt li fir-residenza tiegħu u f’vettura li kienet fl-istess residenza nstabu iktar kontanti, għal total ta’ €45,000.

Id-difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest għax qalet li x-xhieda diġà tkellmu mal-Pulizija, bil-prosekuzzjoni toġġezzjona minħabba l-possibiltà ta’ intralċ tal-provi, kif ukoll minħabba l-fatt li Bugeja m’għandux kondotta nadifa u r-reat huwa wieħed gravi.

Il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Victor Axiaq, laqgħet it-talba għall-ħelsien mill-arrest fuq depożitu ta’ €10,000 u garanzija personali ta’ €10,000 oħra, kif ukoll b’diversi kundizzjonijiet, fosthom li jiffirma l-għassa u li jinġabar f’daru sad-9.00pm.

Bugeja kien irrappreżentat mill-Avukati Franco Debono, Amadeus Cachia u Marion Camilleri, waqt li l-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Kevin Pulis u Lianne Bonello.