Qorti
Jingħata l-libertà kundizzjonata wara li xejjer daqqa ta’ ponn “fuq mara”

Raġel ta’ 43 sena ngħata l-libertà bil-kundizzjoni li ma jwettaqx reat ieħor, wara li nstab ħati li ta daqqa’ ta’ ponn lil raġel ieħor minħabba relazzjoni li kellu ma’ omm bintu.

James Peplow kien mixli li kkaġuna ġrieħi gravi mingħajr il-ħsieb li jpoġġi l-ħajja tal-vittma fil-periklu. Il-pulizija li marru fuq il-post jgħidu li l-vittma kellu tbenġila fuq il-lemin ta’ wiċċu.

Il-Qorti semgħet kif il-każ seħħ fil-festa ta’ Birżebbuġa ta’ tliet snin ilu, meta l-vittma kien qiegħed jixrob fiċ-Cherries bar u f’daqqa u l-ħin ġie aggredit.

Għall-ewwel il-vittma qal li ma ndunax min kien aggredih għax kien imlaħlaħ bix-xorb, u beda jistaqsi lil ta’ madwaru u anki lil bouncers, li qalulu li l-aggressur kien telaq mill-bar.

Iktar tard mar fuqu James Peplow, li staqsih jekk iridx daqqa oħra. Meta l-Pulizija kellmu lil Peplow, dan ammetta li kien tah daqqa ta’ ponn u li kien iddispaċut ħafna għal li għamel.

Peplow u l-vittma t-tnejn qalu li kien hemm diżgwit bejniethom fuq mara li kellhom relazzjoni magħha, iżda iktar tard fil-proċeduri t-tnejn ikkonfermaw li kienu tkellmu u solvew id-differenzi ta’ bejniethom.

Il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Nadine Lia, qieset li minkejja li tabib imqabbad mill-vittma kien iċċertifika l-ġrieħi bħala gravi, skont ir-rapport tal-espert imqabbad mill-Qorti, il-vittma kellu ġrieħi ħfief, tant li ma reġax mar għall-kura. Il-ġrieħi kienu ċċertifikati bħala ħfief ukoll mit-tabib tal-Isptar Mater Dei li ra lill-vittma dakinhar.

Il-Qorti għalhekk iddeċidiet li l-ġrieħi kienu ħfief, u ħelset lil Peplow bil-kundizzjoni li ma jwettaqx reat ieħor fi żmien sena.