Ippjanar u bini
Jingħata permess għal vilel bil-pixxina fil-Wied tal-Marġa – Aġġornat bir-reazzjoni tal-PA

L-Awtorità għall-Ippjanar (PA) approvat applikazzjonijiet għall-bini ta’ tlett idjar bil-pixxina magħhom fil-Qala. Parti mill-iżvilupp tinsab f’żona barra l-iżvilupp (ODZ).

Il-Kunsill Lokali tal-Qala, bdiewa u għaqdiet ambjentali sa mil-2007 kienu oġġezzjonaw għal din l-applikazzjoni fil-Wied tal-Marġa. L-Awtorità Maltija għar-Riżorsi wkoll kienet oġġezzjonat għall-permess, li oriġinarjament kien intalab għal ħames vilel, minħabba li dan seta’ jaffettwa l-ilma f’din iż-żona.

Fi stqarrija fuq il-midja soċjali, is-Sindku tal-Qala Paul Buttigieg qal li l-permess għall-iżvilupp ingħata ftit ftit f’diversi applikazzjonijiet. Is-Sur Buttigieg ippubblika filmat tal-għargħar f’dawn l-inħawi, u qal li l-permess għall-iżvilupp se jissarraf f’telf ta’ raba’ u joħloq problemi fl-ilma tal-bjar użat mill-bdiewa, speċjalment fis-sajf, għax ser tiġi affettwata l-ħażna tal-ilma tal-pjan.

B’reazzjoni, il-PA ċċarat li l-iżvilupp huwa fit-tarf taż-żona tal-iżvilupp tal-Qala. Qalet li l-permess oriġinali PA 4724/07 ingħata wara deċiżjoni tat-Tribunal f’Lulju 2014, li nnota r-rapporti dwar riskju tal-għargħar u kkunsidra miżuri ta’ mitigazzjoni li eventwalment ġew imposti fil-permess tal-iżvilupp.

Żiedet li waqt li ż-żona tegħreq għax qegħda f’wied, l-MRA dak iż-żmien aċċettat il-miżuri ta’ mitigazzjoni proposti mill-applikant. Qalet li l-introduzzjoni tal-parti tal-pixxina f’ODZ ġiet approvata riċentament permezz ta’ PA 6023/20. Il-PA qalet li l-Kunsill Lokali tal-Qala ma ressaqx oġġezzjoni fl-aħħar applikazzjoni tal-iżvilupp.