Qorti
Jingħataw ħelsien mill-arrest it-3 akkużati bil-każ tal-bomba li ma ħaditx fil-Fgura

It-tliet irġiel akkużati bil-każ tal-bomba li ma ħaditx fil-Fgura ngħataw il-ħelsien mill-arrest wara d-digriet mogħti dalgħodu mill-Qorti.

Paul u Jonathan Farrugia, u Lorenzo Callus ma kienux ammettew l-akkużati miġjuba kontriehom li flimkien kienu f’għaqda kriminali u li ħadmu flimkien bil-ħsieb li joqtlu lil Mario Scicluna u lil Elaine Galdes, b’bomba li tpoġġiet mal-karozza ta’ Scicluna fil-Fgura fl-4 ta’ Jannar li għadda, liema bomba ma ħaditx.

Meta dalgħodu ta d-digriet, l-Imħallef Antonio Mizzi ordna li t-tliet irġiel jingħataw il-ħelsien mill-arrest fuq garanzija personali ta’ €70,000 u depożitu ta’ €30,000 kull wieħed, filwaqt li jridu jiffirmaw l-għassa kuljum u jistgħu joħorġu mid-dar biss bejn is-6am u d-9pm.

L-avukati difensuri, Franco Debono, Arthur Azzopardi u Roberto Montalto, talbu għall-ħelsien mill-arrest wara li l-parti l-kbira tax-xhieda xehdu dwar il-każ fil-Qorti.  Argumentaw li t-tliet akkużati għandhom rabtiet qawwija fil-komunità u m’hemmx biża’ li se jaħarbu mill-pajjiż.

Min-naħa tagħha, il-Prosekuzzjoni oġġezzjonat għat-talba għall-ħelsien mill-arrest minħabba li r-reat huwa serju u setgħu weġġgħu jew mietu ħafna nies li kieku ħadet il-bomba.

It-tlett irġiel qed jiffaċċjaw akkużi wkoll seperatament li jvarjaw minn pussess ta’ arma tan-nar, u droga ħaxixa u eroina.

Ara wkoll:

Jinżammu arrestati t-3 persuni akkużati b’rabta mal-każ tal-bomba li ma ħaditx fil-Fgura

Miċħuda t-talba ta’ ħelsien mill-arrest tat-3 persuni akkużati b’rabta mal-każ tal-bomba fil-Fgura