Lokali
Jingħataw il-ġurament tal-ħatra 3 imħallfin u 3 maġistrati ġodda

Fil-Palazz tal-President, ingħataw il-ġurament tal-ħatra tliet Imħallfin u tliet Maġistrati ġodda. Il-ġuramenti tal-ħatra ngħataw mill-President George Vella li ħeġġeġ lill-Gvern biex ifassal u jimplimenta l-miżuri li jsaħħu l-indipendenza tal-ġudikatura kif irrakkomandat mill-Kummissjoni Venezja. B’reazzjoni għad-deċiżjoni tal-Qorti li ċaħdet it-talba li saret mill-grupp Repubblika MT wara r-rikors li ġie ppreżentat filgħodu, il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li l-Gvern dejjem irrispetta d-deċiżjoni tal-Qorti.

Tliet maġistrati, Dr Francesco Depasquale, Dr Joanne Vella Cuschieri u Dr Aaron Bugeja nħatru Imħallfin waqt li tliet avukati Nadine Lia, Victor Axiak u Bridget Sultana nħatru Maġistrati.

Fil-ġurament tal-ħatra l-Imħallfin u l-Maġistrati ġodda dehru viżibbilment emozzjonati meta rringrazzjaw l-appoġġ kontinwu lill-familjari tagħhom waqt li wegħdu li jaqdu d-doveri tagħhom skont il-Kostituzzjoni.

Il-President George Vella filwaqt li awgura lill-ġudikanti l-ġodda, wasslilhom messaġġ dwar ir-responsabbiltà tagħhom.

Dr George Vella qal “fid-deliberazzjonijiet li tagħmlu fuq każ, qatt ma tneħħu quddiem għajnejkom, mhux sempliċiment numru ta’ file, jew sfida akkademika imma bniedem tad-demm u l-laħam, missier, iben, omm, persuna, dawn jibqgħu ċ-ċentru tal-ġustizzja li tridu twettqu”.

Il-President Vella ħeġġeġ lill-Gvern biex jaħdem fuq ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Venezja biex jitwassal il-messaġġ li l-ħatriet tal-ġudikanti qed isiru skont il-mertu u l-kompetenza.

Dawn il-ħatriet ġew approvati mill-Kabinett wara li aktar qabel ġew approvati skont il-Kostituzzjoni mill-Kummissjoni dwar il-Ħatriet tal-Ġudikanti. Il-Ministeru tal-Ġustizzja qal li b’dawn il-ħatriet l-għadd ta’ Imħallfin se jiżdied bi tnejn u l-istess seħħ fl-għadd ta’ Maġistrati. Qal li din iż-żieda qed tgħin biex jiġi assigurat servizz aħjar għaċ-ċittadini li jirrikorru l-Qorti, u tagħti possibilità għal iktar speċjalizzazzjoni fost il-Ġudikatura.

Ftit qabel il-ġurament tal-ħatra l-Grupp Repubblika MT talab lill-Qorti biex twaqqaf dawn il-ħatriet. Assistiet mill-avukat Jason Azzopardi u Simon Busuttil, il-Grupp qal li l-Gvern għandu jieħu l-pariri tal-esperti tal-Kummissjoni Venezja u jipproponi riformi Kostituzzjonali li jassiguraw li l-ġudikanti ġodda jintgħażlu b’dik is-sistema fl-interess tad-demokrazija u l-indipendenza tal-ġudikatura.

Madankollu, il-Qorti, ippreseduta mill-Imħallef Mark Chetcuti, ċaħad it-talba tal-grupp.

Intant il-Grupp Repubblika MT qal fi stqarrija li għalkemm il-Qorti astjeniet milli twaqqaf iċ-ċeremonja tal-ħatra, laqgħet it-talba biex dil-kawża tinstema b’urġenza tant li qal li ordnat li l-Gvern iwieġeb l-argumenti ta’ Repubblika s’għada filgħaxija biex il-każ jibda jinstema nhar it-Tnejn filgħodu.Il-grupp qal li huwa diżżapuntat li wara din id-deċiżjoni tal-Qorti, fi kliem il-Gvern irriġmenta lill-President biex jagħti l-ġurament lil sitt ġudikanti promossi jew ġodda. Qal li dan sar f’paniku ma jmurx xi Qorti tilħaq twaqqaf l-intenzjoni tal-Gvern li jimla l-bank tal-ġudikatura b’nies tal-għażla tiegħu.

B’reazzjoni għal dawn il-ħatriet, il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia qal fi stqarrija li l-Gvern għamel dawn il-ħatriet mingħajr konsultazzjoni mal-Oppożizzjoni, u qabel ma wettaq ir-riformi rakkomondati mil-Kummissjoni Venezja. Dr Delia qal li b’hekk il-Gvern wera li mhux vera jrid li l-ġudikatura tkun indipendenti u imparzjali iżda jrid li jibqa’ jkollu  kontroll assolut fuq min jiġi maħtur għall-interessi partiġġjani. Żied jgħid li l-Oppożizzjoni mhix se taċċetta li riformi meħtieġa għas-saltna ta’ dritt jinġiebu fix-xejn qabel ma jkunu biss daħlu fis-seħħ minħabba deċiżjonijiet bħal dawn.

Il-Ministru tal-Ġustizzja Owen Bonnici qal fi stqarrija li bir-rikorsi li ressqu l-avukati Simon Busuttil u Jason Azzopardi, iż-żewġ deputati għamlu dak kollu li setgħu biex iwaqqfu milli jsiru ħatriet fil-ġudikatura bil-metodu ta’ ħatra ta’ ġudikanti li huma stess ivvotaw favurih fl-2016 fil-Parlament. Żied jgħid li f’dak li għamlu qed jgħidu li l-ġudikanti kollha li nħatru inkluż fil-Gvern li kienu jagħmlu parti minnu huma stess, ma humiex imparzjali u indipendenti. Il-Ministeru sejjaħ dan bħala attakk frontali fuq il-ġudikatura kollha. Żied jgħid li l-Gvern huwa determinat li jkompli jtejjeb il-qasam tal-ġustizzja u jsaħħaħ id-demokrazija u s-saltna tad-dritt.

Intant b’reazzjoni l-Partit Laburista qal li l-Kap tal-OppożizzjoniAdrian Delia ddeċieda li jattakka lill-Prim Ministru u lill-Ministru tal-Ġustizzja talli skont hu,qed jinjoraw lill-Kummissjoni ta’ Venezja meta hu stess qed jinjora digriet tal-Qorti maħruġ ftit tas-sigħat ilu li ċaħdet talba ta’ żewġ deputati tal-istess partit tiegħu. Kompla jgħid li Dr Delia jaf li l-Gvern diġà saħħaħ il-metodu tal-ħatra tal-ġudikanti b’emendi tal-2016 li l-partit tiegħu vvota  unanimament favur tagħhom.

Aħbarijiet Oħra
Storja

Magna ta’ ajruplan tal-gwerra, li possibilment iġġarraf fit-Tieni Gwerra Dinija, kienet irkurprata minn qiegħ il-baħar fil-bokka tal-Port il-Kbir wara ħidma konġunta bejn l-Università ta’ Malta, Heritage Malta u l-Forzi Armati….

Teknoloġija

Wara l-ajruplani, issa anke l-vetturi bdew jiġu jiġu mgħammra b’kaxxa sewda, li normalment tkun f’nofs il-vettura. Għalkemm s’issa din mhijiex obbligatorja, aktar manifatturi tal-karozzi qed jinkluduha. Fost aktar miżuri biex…

Infrastruttura

Waħda mill-kawżi ewlenin ta’ ħruġ ta’ drenaġġ fit-triq u fil-baħar ġejja minn katusi tal-ilma tax-xita li qed jitqabbdu direttament mas-sistema tad-drenaġġ. Jirriżulta li ħafna ma jafux li dan hu l-każ…

NGOs

Seba’ għaqdiet mhux governattivi Maltin se jwettqu tmien proġetti fl-Afrika bl-għajnuna ta’ madwar nofs miljun ewro mill-programm tal-għajnuna għall-iżvilupp tal-Ministeru tal-Affarijiet Barranin. Il-proġetti jvarjaw minn skola ġdida għall-bniet f’żona rurali…

Aktar