COVID-19
Jinħareġ l-avviż legali li jirregola ċ-ċertifikat tat-tilqim għal safar barra l-Ewropa

Ippubblikat l-avviż legali li bih ġie rregolat il-ħruġ ta’ ċertifikati għal dawk li jitlaqqmu kontra l-Covid biex ikunu jistgħu jivvjaġġaw f’pajjiżi lil hinn miż-żona ekonomika Ewropea.

Bħalissa l-Unjoni Ewropea qed tiddiskuti pjani ta’ kif sa Ġunju tintroduċi ċertifikati diġitali li jkunu rikonoxxuti mill-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea.

Iċ-ċertifikat, li se jkun validu għal sitt xhur, se jkun qed jikkonferma li wieħed tlaqqam kontra l-Covid u t-tip ta’ tilqima li jkun ingħata.

Din il-ġimgħa l-Ministru tat-Turiżmu, Clayton Bartolo, ħabbar li Malta se tkun fost l-ewwel pajjiżi fl-Ewropa li se joħroġ iċ-ċertifikati tal-Covid, anki bil-għan li jiffaċilitaw it-turiżmu sa minn Ġunju li ġej.