Ekonomija u Finanzi
Jinħarġu b’irkant stocks tal-Gvern b’valur ta’ €180 miljun

Il-Ministeru tal-Finanzi ħabbar il-ħruġ ta’ €180,000,000 Stock tal-Gvern ta’ Malta, soġġett għal dritt li jiżdied l-ammont li għandu jinġabar sa massimu ta’ €120,000,000 oħra kif ġej: (i) 0.10% Stock tal-Gvern ta’ Malta 2026 (IV); u (ii) 1.20% Stock tal-Gvern ta’ Malta 2037 (I); u (iii) 1.80% Stock tal-Gvern ta’ Malta 2051 (I) Fungibility Issue (F.I.); jew (iv) f’ammonti mit-tliet Stocks b’valur nominali flimkien ta’ €180,000,000.

L-applikazzjonijiet magħmulin f’offerti b’irkant għal minimu ta’ €500,000 u multipli ta’ €100,000 kull waħda jiftħu l-Ġimgħa 30 ta’ Lulju fit-8.30 a.m. u jagħlqu f’nofsinhar (CET) tal-istess jum jew aktar kmieni, fid-diskrezzjoni tal-Accountant General.

L-offerti fuq il-formoli preskritti għandhom jintbagħtu permezz ta’ e-mail fl-indirizzi indikati fuq il-formola tal-applikazzjoni jew fuq fax +356 2596 7210 jew jintefgħu fil-kaxxa tal-offerti tat-Teżor, il-Furjana.

Ir-riżultat tal-allokazzjoni ta’ kull Stock jiġi mgħarraf sagħtejn wara l-ħin tal-għeluq tal-offerti b’irkant.

Il-formoli tal-applikazzjoni jistgħu jinkisbu mingħand il-membri kollha tal-Borża ta’ Malta u Provdituri oħra awtorizzati ta’ Servizzi ta’ Investiment jew jistgħu jitniżżlu wkoll minn fuq is-sit elettroniku tat-Teżor.

L-Accountant General se jħabbar linji gwida indikattivi tal-ipprezzar permezz ta’ stqarrija għall-istampa li tiġi ppubblikata nhar il-Ħamis, id-29 ta’ Lulju 2021.

Aktar tagħrif dwar dawn l-istocks jinsab fiċ-Ċirkolari tal-Offerta li flimkien mal-Prospett Ġenerali u r-regolamenti dwar Stocks tal-Gvern ta’ Malta jistgħu jitniżżlu minn fuq is-sit elettroniku tat-Teżor www.treasury.gov.mt.