Qorti
AĠĠORNAT: Jinħeles mill-arrest ir-raġel akkużat li qered l-Ark ta’ San Publiju bin-nar

Raġel mill-Belt ingħata l-ħelsien mill-arrest wara li tressaq il-Qorti u wieġeb mhux ħati tal-akkuza li ta n-nar lil Ark storiku fil-Floriana li jintrama fl-okkażjoni tal-festa ta’ San Publju.

Fil-Qorti, il-Pulizija qalet li ssuspettat u arrestat lil Bjorn Grima minħabba r-rotta li segwiet il-karozza tiegħu f’dak il-lejl. Intqal li l-karozza nstaqet tliet darbiet fl-istess żona tal-Ark u l-mobile personali tiegħu ġie llokalizzat li kien fiha fil-ħin tal-allegat reat.

Bjorn Grima ta’ 33 sena mill-Belt waqaf fuq l-għatba tal-Qorti jirraġuna ma’ persuni oħra wara li kien għadu kemm iddepożita €7,000 biex ingħata l-ħelsien mill-arrest, li marbut miegħu l-Qorti talbitu wkoll jagħmel garanzija personali ta’ €7,000 oħra. Hu tressaq b’arrest quddiem il-Maġistrat Audrey Demicoli mixli li fis-sigħat bikrin tas-Sibt 27 ta’ April ta n-nar lill-ark storiku li jintrama fi Triq San Tumas, il-Floriana fl-okkażjoni tal-festa ta’ San Publju. Ġie mixli wkoll li konsegwenza ta’ dan in-nar, inħarqu erba’ karozzi oħra li kienu pparkjati ħdejh.

Ir-raġel li jaħdem bħala xufier tat-taxi wieġeb mhux ħati għall-erba’ akkużi miġjuba kontrih fosthom li hu riċediv b’diversi sentenzi relatati ma’ reati ta’ ġlied, vjolenza, pussess ta’ droga u serq, fost l-oħrajn.

Fil-Qorti, l-Ispettur Saviour Baldacchino spjega li Bjorn Grima hu s-suspettat ewlieni fil-ħruq tal-‘Ark’ wara li l-Pulizija analizzat aktar minn 50 filmat miġbuda mill-kameras tas-sigurtà li hemm fiż-żona fejn seħħ l-allegat reat. Spjega li għalkemm f’dawn il-filmati, wiċċ l-akkużat ma jidhirx sew, l-istatura tal-persuna li tidher fihom hi simili għal ta’ Bjorn Grima.

L-Ispettur qal li mill-filmati raw ukoll in-numru ta’ reġistrazzjoni tal-vettura suspettuża li rriżulta li kienet reġistrata fuq l-istess akkużat u aktar tard bl-għajnuna tal-operatur tat-telekomunikazzjoni li miegħu hu reġistrat il-mobile tas-suspettat, irnexxilhom jillokalizzawh u jistabilixxu li l-mobile kien fl-istess vettura. L-Ispettur qal li r-rotta tal-karozza kienet partikolari ħafna u kienet taqbel eżatt mal-movimenti tal-mobile. Qal li kemm ilu fil-korp, qatt ma jiftakar li xi ħadd li allegatament wettaq reat imur fl-istess post tliet darbiet.

L-Avukat Franco Debono argumenta li l-Pulizija m’għandha l-ebda prova konkreta li Bjorn Grima wettaq dan ir-reat jew li kien hu li qed isuq il-karozza suspettuża jew li kien fil-pussess tal-mobile. Spjega fid-dettall għaliex il-klijent tiegħu għandu dritt għall-ħelsien mill-arrest.

Il-prosekuzzjoni oġġezzjonat għat-talba ta’ ħelsien mill-arrest minħabba l-biża ta’ intraċċ tal-provi. Spjega li l-investigazzjoni dwar il-każ għadha ma spiċċatx.

Wara li semgħet l-argumenti tal-prosekuzzjoni u d-difiża, il-Maġistrat Audrey Demicoli laqgħet it-talba għall-ħelsien mill-arrest b’għadd ta’ kundizzjonijiet fosthom li jiffirma kuljum fl-għassa tal-Belt.

 

Aħbarijiet Oħra
Lokali

Il-kumpanija tal-gaming BET365 ikkonfermat il-pjan tagħha biex tkabbar l-operat tagħha f’Malta billi tirriloka wħud mill-attivitajiet tagħha minn Ġibiltà lejn Malta. Il-kumpanija li kellha uffiċini f’Malta u f’Ġibiltà b’liċenzja biex topera…

Partit Nazzjonalista

Il-Partit Nazzjonalista qal li l-Ombudsman laqa’ t-talba tiegħu u lest jinvestiga l-kontijiet tad-dawl u l-ilma li l-famiji qed ikollhom iħallsu. Il-Viċi Kap Nazzjonalista David Aguis flimkien mal-kandidati għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew…

Storja

Fl-2018 saru s-siti storiċi ta’ Heritage Malta 1.6 miljun turist, żieda ta’ madwar 400,000 ruħ meta mqabbel mas-sena ta’ qabel.  Din iż-żieda fil-viżitaturi tirrifletti wkoll fid-dħul finanzjarju tal-aġenzija li s-sena…

Edukazzjoni

Il-Gvern għadda lill-Università ta’ Malta madwar sittin tomna ta’ art, bil-Prim Ministru Joseph Muscat jgħid li dan huwa l-ikbar investiment kapitali li qatt sar fl-Università. B’dan il-ftehim, l-Università ta’ Malta…

Aktar