Lokali
Jinħeles mill-arrest wara li kien involut fi ġlieda bil-fliexken u l-ġebel

Żagħżugħ barrani residenti ż-Żejtun ingħata l-ħelsien mill-arrest wara li spiċċa l-Qorti wara li lbieraħ kien involut fi ġlieda.

Mahmoud Mesto ta’ 18-il sena deher quddiem il-Maġistrat Josette Demicoli wara li allegatament ikkawża ħsara f’karozza meta waddab xi fliexken u ġebel waqt ġlieda li seħħet għall-ħabta tas-2am f’Wied il-Għajn.

Mesto ġie akkużat li mhux biss ikkawża ħsarat f’karozza tat-tip Mercedes Benz, iżda wkoll li darab ħafif lil raġel ieħor, li kiser il-paċi pubblika, li uża lingwaġġ mhux xieraq fil-pubbliku, u li kien xurban.  L-akkużat wieġeb li mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrieh.

L-Ispettur Josric Mifsud talab għall-ordni ta’ protezzjoni fil-konfront tar-raġel midrub u l-familja tiegħu.

Minkejja li l-prosekuzzjoni oġġezzjonat għat-talba tal-ħelsien mill-arrest minħabba li r-raġel huwa refuġjat, l-avukat tal-għajnuna legali Yanika Bugeja argumentat li Mesto ilu jgħix Malta għal dawn l-aħħar 3 snin u għandu status ta’ refuġjat.

Dr Bugeja qalet li huwa kien akkumpanjat minn diversi qraba l-Qorti, filwaqt li sostniet li l-akkużat għadu żgħir u għandu kondotta nadifa.

Il-Qorti wara li semgħet lix-xhieda u l-Prosekuzzjoni qalet li tħoss li għandha tagħti l-ħelsien mill-arrest. Hija ordnat li jitpoġġa taħt superviżjoni temporanja u li ma jkellimx lix-xhieda, kif ukoll li jiffirma l-għassa tliet darbiet fil-ġimgħa. Huwa ġie ordnat ukoll li jħallas depożitu ta’ €500 u garanzija personali ta’ €5,000.