Qorti
Jinħeles mill-arrest wara li nqabad bid-droga

Rosmar Bugeja ta’ 24 sena li joqgħod Marsaxlokk u jaħdem bħala sajjied, ingħata l-ħelsien mill-arrest fuq għadd ta’ kundizzjonijiet, wara li tressaq il-Qorti akkużat b’pussess ta’ droga.

Quddiem il-Maġistrat Rachel Montebello, Bugeja kien akkużat li fis-27 ta’ Diċembru għall-ħabta tat-tmienja u kwart ta’ filgħaxija, il-pulizija tal-iskwadra ta’ kontra d-droga waqqfuh fi Triq it-Trunċiera Marsaxlokk. Il-Prosekuzzjoni qalet li filwaqt li fuqu ma kellux droga, fil-karozza tiegħu nstabu amdwar 60 pakkett żgħir bid-droga kokajina, 2 pakketti żgħar bid-droga kannabis lesti biex jinbiegħu, u 720 ewro flus kontanti.

Bugeja wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih, bid-difiża titlob għall-ħelsien mill-arrest filwaqt li l-prosekuzzjoni oġġezzjonat minħabba li qalet li kiser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest. Il-Qorti tagħtu l-ħelsien mill-arrest b’għadd ta’ kundizzjonijiet, fosthom li jiffirma l-għassa tliet darbiet fil-ġimgħa, ma jsifirx, ma jkellimx lix-xhieda, ma jwettaqx reat ieħor u ma joħroġx mid-dar mit-tmienja ta’ filgħaxija sas-sitta ta’ filgħodu.

Ara wkoll:

Raġel arrestat wara li nqabad b’ammont ta’ droga f’Marsaxlokk