Barranin
Jinħeles wara 42 sena fil-ħabs għax isibu li ma kienx hu li qatel 3

Fl-Amerka, raġel li kienu ilu għal dawn l-aħħar 42 sena jiskonta piena ta’ ħabs ġie lliberat wara li rriżulta li ma kienx hu li qatel tliet persuni.

Kevin Strickland kien għad kellu 18-il sena meta ġie arrestat b’rabta mal-qtil makabru ta’ tliet  persuni fil-25 ta’ April tal-1978 f’dar f’Kansas.

Il-vittmi – Sherrie Black u Larry Ingram ta’ 22 sena u John Walker ta’ 22 sena – inqatlu b’tiri ta’ armi tan-nar sparati minn erba’ persuni.

Persuna oħra li kienet fid-dar, Cynthia Douglas ta’ 20 sena, salvat wara li għamlet tabiruħha li kienet mejta.

Strickland ġie arrestat wara li l-għarus ta’ oħt Douglas qal lill-Pulizija li jemmen li l-ġuvni kien involut fil-qtil.

Strickland dejjem insista li kien id-dar jara t-televixin u għalkemm fuq il-post ma nstabet l-ebda evidenza li turi li kien fuq ix-xena tad-delitt fl-1979, huwa instab ħati u ġie kkundannat 50 sena ħabs.

Matul is-snin avukati li jaħdmu biex jeħilsu nies ikkundannati l-ħabs inġustament baqgħu jaħdmu Strickland jinħeles mill-ħabs.

Kien issa li mħallef laqa’ l-każ tagħhom u ordna li Strickland, li llum għandu 62 sena, jinħeles minnufih.

Fl-ewwel kumment tiegħu malli ħarġet l-aħbar, Strickland qal li qatt ma stenna li kien se jasal dan il-jum.

Fl-istat ta’ Missouri qatt ma kien hemm priġunier ieħor li qatta’ daqshekk snin fil-ħabs b’mod inġust.

Din kienet ukoll is-7 l-itwal piena ta’ ħabs inġusta fl-istorja tal-Istati Uniti.

Minkejja dan il-liġi ta’ Missouri tagħmilha improbabbli li Strickland jingħata kumpens.