Ambjent
Jinħelsu 2 fjamingi frieħ

Aktar kmieni din il-ġimgħa, BirdLife Malta ħelset żewġ fjamingi fir-Riserva Naturali tal-Għadira wara perjodu qasir fil-kura tagħna. Il-Fjamingi frieħ it-tnejn kienu jiffurmaw parti mill-qatgħa kbira li kienet osservata tpassi minn fuq il-Gżejjer Maltin fl-20-21 ta’ Awwissu 2019.

Il-Fjamingi jpassu fi qtajja’ ffurmati minn adulti u frieħ imma ż-żgħar xi drabi jegħjew u jinfirdu minn mal-kumplament biex jistrieħu. Hekk ġara fil-każ ta’ dawn iż-żewġ Fjamingi li nqatgħu minn mal-bqija u spiċċaw f’nofs in-nies f’partijiet differenti tal-Gżejjer Maltin.

BirdLife Malta qalet li l-ewwel wieħed fil-fatt instab f’Daħlet Qorrot f’Għawdex fejn niżel f’nofs il-bajja fl-20 ta’ Awwissu. Il-Fjamingu ġie salvat minn uffiċjal tal-ERA u ttieħed mill-ewwel għand il-veterinarju tal-gvern li sab li kien għajjien.

It-tieni Fjamingu nġabar l-għada minn membri tal-għaqda Kaċċaturi San Ubertu (KSU) fl-inħawi tal-Għadira s-Safra. Huma għaddew l-għasfur f’idejn BirdLife Malta u dan ittieħed għand il-veterinarju tal-Gvern biex jiġi eżaminat. Anke f’dan il-każ instab li kulma kellu l-Fjamingu kienu sinjali ta’ għeja minħabba l-passa. F’inqas minn ġimgħa kien iċċertifikat li reġa’ ħa lura saħħtu biex ikun jista’ jinħeles lura fis-selvaġġ.

Wara li l-veterinarju tat il-kunsens tagħha, iż-żewġ Fjamingi nħelsu fl-Għadira nhar it-Tlieta li għadda 3 ta’ Settembru. Qabel inħelsu minn staff tar-riserva, twaħħlilhom ċurkett.

Aħbarijiet Oħra
Agrikultura

“Marzu jgħidlu ikber, April iżbel u Mejju aħsad.” Hekk jgħid il-Malti għall-qamħ. Żmien il-ħsad tista’ tgħid għadda u minn għelieqi kbar lewn id-deheb illum tilmaħ għexieren ta’ balal ta’ tiben…

Parlament

Id-Deputat Prim Minsitru u Minsitru għas-Saħħa Chris Fearne qal li l-Gvern kien infurmat bil-fomm mill-Kap Eżekuttiv ta’ Steward Healthcare f’Malta dwar ix-xiri ta’ ishma ta’ shareholder Amerikan mill-istess Steward Healthcare. …

Trasport

F’toroq battala mill-vetturi matul il-pandemija jidher li l-użu tar-rota żdied, kemm bħala mezz ta’ attività fiżika imma wkoll mezz ta’ trasport alternattiv. Grupp ta’ nisa b’kollaborazzjoni mal-organizzazjoni MOVE ngħaqdu fil-kampanja ROTA…

Edukazzjoni

Il-Ministru għall-Edukazzjoni, Owen Bonnici, qal li fl-operat mill-ġdid taċ-child care centres se jinstab bilanċ bejn il-ħarsien tas-saħħa tat-tfal u l-operat ta’ dawn iċ-ċentri. Dr Bonnici qal li lest jikkunsidra ideat…

Aktar