Qorti
Jinħelsu mill-akkużi li darbu raġel gravi iżda wieħed minnhom jeħel il-ħabs fuq droga

Żewġ irġiel li kienu jaħdmu ta’ uffiċjali tas-sigurtà fi stabbiliment tad-divertiment f’Paceville, inħelsu mill-akkużi li darbu gravi raġel f’Paceville is-sena l-oħra. Wieħed minnhom iżda weħel sentejn ħabs u multa ta’ €1,000 fuq traffikar ta’ droga.

Nenad Anic ta’ 41 sena u Nemanja Vucicevic ta’ 33 sena kienu arrestati wara ġlieda li kienet saret fil-klabb Havana fl-10 ta’ Marzu s-sena l-oħra għall-ħabta tas-1 a.m. Fil-ġlieda Albaniż spiċċa b’idejh miksura.

Iż-żewġ bouncers kienu akkużati li kkawżaw ġrieħi gravi, li insultaw lill-vittma, li kissru l-paċi pubblika u li kienu qed jaħdmu ta’ bouncers mingħajr liċenzja. Anic waħdu kien akkużat li fil-pussess tiegħu kellu ponn tal-ħadid.

Vucicevic waħdu kien akkużat li fil-pussess tiegħu kellu d-droga kannabis u fi tfittxija li għamlu aktar tard il-pulizija, nstabet ukoll id-droga kokaina. Għalhekk hu kien akkużat ukoll bi traffikar u b’pussess agravat ta’ droga f’distanza ta’ 100 metru minn post frekwentat miż-żgħażagħ.

Fil-Qorti xehed l-allegat vittma li fost oħrajn qal li ma setax jidentifika lill-akkużati fil-Qorti. Il-Qorti nnotat li għalkemm meta l-allegat vittma irrapporta mal-pulizija li kienu bejn sebgħa jew tmin bouncers li tawh xeba, il-pulizija ma stabbilitx min kienu l-aggressuri l-oħra.

Filwaqt li Anic qal li hu ma kienx xogħol dak inhar, Vucicevic qal li hu pprova jwaqqaf il-ġlieda li qal saret bejn seba’ sa 12-il persuna ħdejn il-bar. Mill-proċeduri ħareġ li kien Vucicevic biss li kien qed jaħdem bla liċenzja u li nstab ħati wkoll tal-akkużi dwar id-droga.

Il-Maġistrat Doreen Clarke illiberat lil Nenad Anic mill-akkużi kollha kontrih u kkundannat lil Nemanja Vucicevic għal sentejn ħabs u multa ta’ €1,000.