Ambjent
Jinkixef min iħammeġ f’Birkirkara wara li jinqabad bil-kameras tas-sigurtà

Il-Kunsill Lokali ta’ Birkirkara ħarrax il-ħidma tiegħu kontra nies li jħammġu l-lokalità. Il-Kunsill qed jitlob l-għajnuna tal-pubbliku biex jinqabdu dawk li joħorġu boroż mhux fil-ħin indikat għall-ġbir, jabbużaw mill-bring in sites jew jarmu skart illegalment. Biex jintlaħaq dan l-għan, il-Kunsill beda jwaħħal ma’ boards fil-lokalità ritratti meħuda minn kameras tas-sigurtà ta’ nies iwettqu illegalitajiet, bis-Sindku twiegħed li tħares l-anonimità ta’ min jikxef l-identità ta’ min iħammeġ

Ritratti meħuda minn kameras tas-sigurtà li juru persuni jarmu skart illegalment f’kantuniera fi Triq Psaila f’Birkirkara twaħħlu ma’ board fil-qrib. Din l-inizjattiva ttieħdet sforz il-frustrazzjoni tal-Kunsill Lokali ta’ Birkirkara li minkejja s-servizzi li joffri għall-ġbir tal-iskart, hemm min qed jibqa’ jħammeġ il-lokalità.

Is-Sindku ta’ Birkirkara, Joanne Debono Grech qalet ”nappella lill-Karkariżi ma jħallux nies iħammġulhom Birkirkara u nappella lill-Karkariżi biex ma jħammgux huma. Minn kollox insibu, ġieli anke saqqijiet sibna ħdejn dawn il-bring-in site, meta dan kemm iċċempel lil kunsill u jiġu jiġbruha.”

Is-Sindku ta’ Birkirkara, Joanne Debono Grech qalet li b’dawn ir-ritratti l-Kunsill qed iħeġġeġ lin-nies iċemplu, anke b’mod kunfidenzjali lill-Kunsill, biex jgħinu jidentifikaw lil min qed jarmi skart illegalment. Spjegat li l-Kunsill waħħal 8 boards li fuqhom qed ipoġġi ritratti ta’ nies iħammġu wara li jinqabdu fuq il-kameras tas-sigurtà, l-aktar ħdejn bring-in sites. Fost l-oħrajn, dawn twaħħlu qrib il-Kulleġġ ta’ San Alwiġi, fejn l-akkwadotti qrib Fleur De Lys u fi Triq il-Qasab.

Il-Ħadd, is-Sinjura Debono Grech tellgħet ukoll ritratti fuq Facebook li juru raġel jarmi skart tal-kostruzzjoni f’wied fejn għadu kif sar proġett.

”Fejn intefa’ dak ir-rimi, dak il-proġett ġie jiswa lill-Kunsill bil-flus tal-MEPA madwar 600,000. Ma nittollerax li jsiru dawn l-affarijiet” qalet is-Sindku Debono Grech.

Is-Sindku qalet li lesta tidħol hi fir-rapporti biex tiżgura li tinżamm l-anonimità ta’ min jinforma lill-Kunsill bl-illegalitajiet.

”Nifhem li ħadd ma jkun irid jitla’ l-Qorti, imma jien personalment noffrilom li jkellmuni u nidħol jien jekk ikunu jafu min ikun waddab l-iskart. Inwiegħdhom li la ħa jinkixfu, la ħaġa u lanqas oħra” kompliet tgħid is-Sindku ta’ Birkirkara.

Hi qalet li min jinqabad mill-filmati tat-80 kamera mifruxa f’postijiet differenti, jiġi riferut lill-aġenzija tal-infurzar lokali, il-LESA, biex tieħu proċeduri kontriħ.

Żiedet li din is-sistema qed tħalli l-effett tagħha billi hemm postijiet fejn naqas ir-rimi illegali, għalkemm appellat lill-gvern biex jgħin lill-kunsilli billi jagħmel iktar infurzar.

Aħbarijiet Oħra
Immigrazzjoni

Il-Forzi Armati ta’ Malta salvaw 44 immigrant li sabu ruħhom f’diffikultà waqt li kienu fuq dgħajsa tal-injam 58 mil nawtiku ‘l barra min-Nofsinhar ta’ Lampedusa. Fi stqarrija, l-AFM qalet li…

Temp

Skont l-Uffiċċju Meterjoloġiku l-jumejn li ġejjin se jkunu ddominati mix-xita u r-ragħad. Il-maltemp li mistenni jaħkem lil Malta mil-lejla se jdum għaddej matul dal-jumejn. F’każ ta’ maltemp wieħed huwa mħeġġeġ…

Ambjent

Mill-aħħar ta’ dax-xahar ser jibda l-ġbir separat tal-iskart organiku magħmul mil-fdalijiet tal-ikel li ser jibda jinġabar separat fil-borża l-bajda. Il-Ministru tal-Ambjent Jose’ Herrera qal li Gvern qed jipprovdi kontenituri apposta…

Aktar