Jinkixfu dettalji artistiċi mal-faċċata tal-Berġa tal-Italja

Bħalissa għaddej xogħol estensiv ta’ restawr fuq il-faċċata ta’ waħda mill-aktar binjiet importanti fil-Belt Valletta; il-Berġa tal-Italja fi Triq il-Merkanti.

Ix-xogħol mistenni jitlesta fil-ġimgħat li ġejjin bil-ħsieb li minflok l-uffiċini tal-Awtorità tat-Turiżmu, il-binja tilqa’ l-mużew il-ġdid tal-arti.

Parti sew mill-faċċata tal-Berġa tal-Italja fil-Belt kienet iġġarfet f’attakk qalil tal-gwerra f’April tal-1942. Ftit wara t-tmiem tat-tieni Gwerra Dinjija, il-faċċata ġiet restawrata u rari reġgħet intmesset tant li mal-milja tas-snin spiċċat sewda dlam u intilfu bosta dettalji artistiċi, kif spjegatilna l-Perit Veronica Bonello minn Heritage Malta li qed tieħu ħsieb ir-restawr tal-Berġa.

“Iżjed ma bdejna nneħħu mis-swidija li kien hemm, ħarġu dettalji importanti ħafna,” tenniet il-Perit. “Rajna affarijiet li ma stennejniex li se narawhom fuq statwarju f’dan l-għoli hawn fuq, wieħed jistenna li jarahom fil-Kon-Kattidral ta’ San Ġwann imma d-dettal u l-finitura tax-xogħol ma tistennix li tarahom hawn fuq.”

Minbarra r-restawr mal-fabergaċċata, qed isiru interventi fuq ġewwa fosthom fil-kurituri fuq il-bitħa ċentrali li qed jitfgħu aktar dawl fuq dil-binja tas-seklu sittax li minn residenza tal-Kavallieri Taljani tal-Ordni ta’ San Ġwann se tinbidel għall-mużew il-ġdid tal-arti.

Sandro Debono, minn Heritage Malta, qal hekk: “Bdejna biex ngħidu hekk il-vjaġġ biex il-Berġa tal-Italja ssir ‘Muża’, il-Mużew Nazzjonali tal-Arti. Ix-xogħol tal-faċċata jinsab fi stadju avvanzat, nittamaw li fil-ġimgħat li ġejjin nagħlqu x-xogħol u nkomplu fuq partijiet oħrajn tal-Berġa.”

Il-Muża, ikkunsidrat wieħed mill-proġetti ewlenin għal meta l-Belt Valletta tkun il-Kapitali Ewropea tal-Kultura fl-2018, se joffri esperjenza interattiva u differenti minħabba li hu proġett tal-komunità fejn il-pubbliku se jkun mistieden jieħu sehem fil-wirjiet, waqt li l-mużew se jipprovdi l-għodod għall-komunikazzjoni u t-tixrid tal-ideat.

Aħbarijiet Oħra
Sport

Wara s-suċċess tal-atleti Maltin tal-Olimpjadi Speċjali b’rebħ ta’ erbgħin midalja fil-logħob dinji ta’ Marzu li għadda, tissokta ħidmet il-fondazzjoni Marigold biex permezz ta’ din il-pjattaforma tagħti opportunitajiet sportivi lil atleti…

Forzi Armati

Fit-tislima mill-ogħla awtoritajiet lill-monument li jfakkar lil Malta Indipendenti fil-Floriana, dalgħodu spikka s-salut ta’ 21 tir minn kanuni tal-Forzi Armati. Din il-parti taċ-ċerimonja ġibdet l-interess ta’ grupp imdaqqas ta’ Maltin…

Kultura

Il-Main Guard, it-toroq u l-bjar taħt il-Belt u The Fortress Builders huma tliet siti li għaddew f’idejn Heritage Malta, l-aġenzija nazzjonali li tħares il-wirt storiku u kulturali tal-pajjiż. F’konferenza tal-aħbarijiet…

Politika

Malta, permezz tal-ambaxxatur għan-Nazzjonijiet Magħquda, Carmelo Inguanez, qiegħda tippresiedi wħud mis-sessjonijiet tal-74 sessjoni tal-Assemblea Generali tan-Nazzjonijiet Magħquda. Dan wara li għall-ewwel darba wara tmintax-il sena, Malta intgħażlet bħala wieħed mill-Viċi…

Aktar