Knisja Maltija
Jinkixfu dettalji li ntilfu fil-kwadru tal-Madonna tar-Rużarju fil-Kolleġġjata ta’ San Ġorġ f’Ħal Qormi

Il-Knisja tiddedika x-xahar ta’ Ottubru għat-talba tar-Rużarju. F’kull knisja tista’ tgħid issib kwadru jew statwa bix-xbieha tal-Madonna taħt dan it-titlu u f’diversi parroċċi għandek il-fratellanza tar-Rużarju. Waħda minn dawn il-fratellanzi bi storja ta’ aktar minn 400 sena u li hi għadha attiva ħafna fil-Kolleġġjata ta’ San Ġorġ f’Ħal Qormi inawgurat restawr estensiv tal-kwadru titulari tagħha.

Ir-restawr fuq il-kwadru tal-Madonna tar-Rużarju – li jinsab fuq l-artal tal-kappellun tax-xellug fil-Kolleġġjata ta’ San Ġorġ f’Ħal Qormi – kixef dettalji li maż-żmien kienu ntilfu.

Ir-rettur tal-Fratellanza tal-Madonna tar-Rużarju, Godfrey Mangion, spjega li għall-ewwel kienu se jirrestawraw l-istatwa tar-Rużarju iżda esperti tar-restawr biddlulhom dan il-ħsieb għax ikkonkludew li kien hemm aktar urġenza li jiġi restawrat il-kwadru.

“Malajr irrekorejna għal min hu professjonali fuq il-pitturi u l-kliem kien vera li l-pittura waslet għal dawra li kellha bżonn issir malajr allura minn hemmhekk il-pjani tagħna nbidlu u bdejna nħarsu lejn il-pittura biex jibda r-restawr fuqha.”

S’issa mhux magħruf xogħol min hi din il-pittura biż-żejt fuq it-tila u f’liema sena saret. Il-pittura turi l-ħmistax-il misteru tar-rużarju: tal-ferħ; tat-tbatija u tal-glorja, impittra f’medaljuni f’idejn l-anġli li jinsabu mdawrin mal-Madonna bil-Bambin fuq ħoġorha u b’San Duminku u Santa Roża maġenbha.”

Fuq ras il-Madonna u l-Bambin hemm żewġ kuruni tal-fidda li kienu tqiegħdu fl-1685. U fin-naħa t’isfel jidhru żewġ puttini, wieħed minnhom b’baċir mimli ward u ieħor b’ġilju abjad.

Ir-restawr li sar mill-kumpanija ‘Prevarti’ b’appoġġ finanzjaru tal-Fond tal-Kawżi Ġusti ġie inawgurat fil-jum meta twaqqfet l-Arċikonfraternità tal-Madonna tar-Rużarju f’Ħal Qormi, 419-il sena ilu. L-Arċipriet, il-Kanonku Mario Mangion, ġibed l-attenzjoni li l-inawgurazzjoni saret fil-bidu tax-xahar li l-knisja tiddedika għat-talba tar-rużarju.

“Hija biex ngħidu hekk il-vanġelu fil-ħajja ta’ kuljum b’mod komuni li wieħed jista’ jitlob u jirrifletti fuqu mingħajr ma jmur xi universitajiet kbar jiġifieri dan ukoll kien l-iskop tat-talba tar-rużarju li nxterdet ħafna fil-knisja.”

Il-Kanonku Mario Mangion qal li kien il-Beatu Bartolo Longo f’Pompei, li xerred id-devozzjoni għar-rużarju, meta qabbel din it-talba ma’ katina li tgħaqqad lin-nisrani ma’ Alla.