Lokali
ARA: Mingħajr il-Parlament u l-President, x’inhu għaddej fil-Palazz?

Fil-Palazz tal-President għaddej ix-xogħol fuq l-akbar proġett li qatt kellha Heritage Malta fl-istorja tagħha. Għadd kbir ta’ ħaddiema qed jaħdmu fuq xogħliiet differenti minn bdil tas-soqfa sar-restawr tal-pitturi. Il-ħsieb huwa li kemm jista’ jkun il-Palazz jirrifletti l-istorja tiegħu li tmur lura għas-seklu sittax. Television Malta hu infurmat li saret evalwazzjoni tal-istorja ta’ kull kamra tal-Palazz.

Ix-xogħlijiet ta’ restawr fil-Palazz tal-President fil-Belt kixfu traċċi ta’ pittura ta’ żmien il-Kavallieri. Il-pittura mal-ħajt tinsab f’dik li kienet l-Uccelleria u fejn sa ftit tas-snin ilu kien hemm l-uffiċċji tal-Ispeaker. Il-kuratur ta’ Heritage Malta, Emmanuel Magro Conti, spjega li din hija pittura oriġinali ta’ Nasoni u għadd fadal aktar x’joħroġ.

“Kuntrarju tal-kurituri, li ġew minsusa kemm-il darba, dawn għadhom intatti kif kienu u allura jagħtuna dak iċ-ċans uniku li nkunu nafu eżatt il-palette x’kienu, il-kromatika tal-kuluri, il-pigments x’inhuma aktar milli dawk l-interventi l-oħrajn li saru fil-kurituri.”

Is-Sur Magro Conti qal li d-dokument juru li din il-parti tal-Palazz kienet impittra, kif kien impitter is-suffett, li nqala’ fi żmien il-gwerra, u qatt ma reġa’ sar.

“Kellna xorti kbira li baqa’ merfugħ fl-istores ta’ Heritage Malta, dak li qabel kien Museums Department . Sibnieh fl-interità tiegħu. Sibna suffetti oħrajn ta’ kmamar oħrajn li qatt ma twaħħlu wkoll – proċess miexi bil-mod ta’ restawr fuq dawn l-affarijiet ukoll. Kemm minn kuntratturi privati u kemm minn ħaddiema speċjalizati – restawraturi u konservaturi ta’ Heritage Malta.”

Bilkemm jintgħaraf. Dan huwa l-kuritur, li sa ftit tas-snin ilu kunu jgħaddu minnu l-membri parlamentari biex imorru għall-parlament warajha.

Illum, din is-sala qed isir ħafna mix-xogħol ta’ konservazzjoi u restawr fuq il-pittura tas-saqaf li nqalgħet minn postha. Is-Sur Magro Conti spjega kif maż-żmien din il-pittura ta’ Nasoni ġarrbet hsarat sostanzjali. Qal li meta reġgħet twaħħlet f’postha, wara li nqalgħet b’emerġenza, intużaw boards tal-plywood.

“Aparti li ġew imnaddfin kollha u maqlugħin minn dawn il-boards, qed jiġu jerġgħu mwaħħlin kif kienu oriġinali. Qed isir sistema apposta barra minn Malta, tinġieb hawnhekk biex jitwaħħlu u jkunu jistgħu wkoll jitniżżlu għal ċertu spezzjonijiet u hekk. Imma rridu ngħidu li se jkunu jerġgħu mwaħħlin fid-dimensjoni u daqs oriġinali mhux qisu bħala ħaġa waħda u qsim kien impitter fuq xulxin bil-ġibs u karti u tila – ħa nerġgħu nġibuha kif kienet kemm jista’ jkun fl-istatt tagħha oriġinali kif tpittret.”

Is-Sur Magro Conti qal li qed jinbidlu ħafna mis-soqfa tal-Palazz u qed jitneħħew binjiet li nbnew fi żmien l-Ingliż kif ukoll mis-sebgħinijiet ‘il hawn li ma kinux qed jirrispettaw l-istorja, l-arkitettura u s-sinifikat tal-post. Fi kliemu kien hemm interventi goffi bħalma kien dak li sar fl-Uccelleria li kienet ġiet maqsuma f’sitt postijiet.

Wara li s-siti ta’ Heritage Malta ngħalqu minħabba l-pandemija, l-ħaddiema li kienu jaqtgħu l-bijetti u jdawru lill-viżitaturi qed jagħtu daqqa t’id fix-xogħol li għaddej fil-Palazz.

Fi żjara li għamel lix-xogħlijiet, il-Ministru responsabbli mil-Wirt Nazzjonali u l-Arti, Josè Herrera qal li dan il-proġett qed isir b’investiment ta’ 28 miljun ewro, li għaxar miljun ewro minnhom huma fondi tal-Unjoni Ewropea.

“Il-maġġoranza tal-ispiża qed joħroġha il-Gvern għaliex il-Gvern jemmen li l-patrimonju Malti huwa essenzjali għall-identità Maltija u huwa essenzjali wkoll biex inkattru l-ekonomija tagħna.”

Dan huwa l-ikbar proġett li qatt daħlet għalih Heritage Malta – bl-ewwel fażi tiegħu mistenni tkun lesta sal-aħħar tas-sena d-dieħla. Din tinkludi fost oħrajn iċ-ċentru tal-viżitaturi fil-post fejn hemm l-uffiċċji tal-Avukat Ġenerali, u t-tqegħid tal-Armerija tal-Palazz fil-post oriġinali tagħha, u r-restawr tal-pitturi tal-kuritur tal-Piano Nobile. Hu stmat li t-tliet fażijiet l-oħra għandhom bejn erba’ u ħames snin oħra biex jitlestew.

Aħbarijiet Oħra
Edukazzjoni

Wara li l-Università ta’ Malta semgħet id-dispjaċir tal-istudenti u l-familjari tagħhom għall-aħbar li ċ-ċerimonji ta’ gradwazzjoni se jiġu posposti hija qalet li se ssib soluzzjoni biex dawn isiru fiż-żmien tagħhom. Ilbieraħ…

Immigrazzjoni

Grupp ta’ madwar 50 immigrant żbarkaw matul il-lejl li għadda f’Malta wara li kienu ilhom ġranet abbord il-bastiment  MV Talia. F’kitba fuq twitter l-għaqda Alarm Phone, qalet li wara ġranet maqbuda…

Politika

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista tilef vot ta’ fidċuja fil-grupp parlamentari wara laqgħa li damet għaddejja ħames siegħat. Madanakollu, f’konferenza tal-aħbarijiet eżatt wara għall-ħabta tas-sagħtejn ta’ filgħodu, Dr Delia qal li mhux…

Edukazzjoni

L-Università ta’ Malta ħabbret li ċ-ċerimonji ta’ gradwazzjoni li kienu se jsiru f’Novembru u Diċembru li ġej jiġu posposti għas-sena d-dieħla minħabba l-inċertezza relatata mal-COVID-19. Ir-Rettur tal-Università, il-Professur Alfred Vella…

Aktar