Kronaka
Jinqabad bi €30,000 mhux iddikjarati hekk kif niżel f’Malta

Raġel Ċiniż, li għandu permess ta’ residenza fl-Italja, illum waranofsinhar inqabad dieħel f’Malta b’eluf fi flus kontanti mhux iddikjarati.

Uffiċjali tad-Dwana qabdu lir-raġel hekk kif niżel minn Sqallija bil-karozza. Wara li talbuh jiddikjara għandux xi flus fuqu, huwa wieġeb li kellu biss €50.

Madanakollu, meta fetħulu l-bagalji, l-uffiċjali sabu €10,000 f’kontanti. Fil-glove compartment tal-karozza nstabu €10,000 oħra, filwaqt li fil-but tal-qalziet instabu €10,000 oħra.

Huwa kien qed iġorr ukoll karta ta’ €100 u oħra ta’ €50 li kienu foloz.

Il-passiġġier ingħata €10,000 li huwa intitolat għalihom, bil-kumplament li ġew ikkonfiskati. Huwa mistenni jitressaq il-Qorti taħt arrest għada.