Lokali
Jinqabad bid-droga f’ħalqu wara rapport ta’ ġlieda

Libjan tressaq il-Qorti wara li nqabad fil-pussess tal-kokajina. Ramzi Abdulhafid Ib Abukem ta’ 35 sena residenti San Pawl il-Baħar inqabad jaħbi d-droga f’ħalqu.

Quddiem il-Maġistrat Gabriella Vella r-raġel kien akkużat li lbieraħ għall-ħabta tal-4am nqabad bid-droga kokajina.

Il-Qorti semgħet kif ilbieraħ il-pulizija rċiviet rapport ta’ ġlieda f’bar f’San Pawl il-Baħar. Hekk kif waslet in-nies involuti kienu laħqu telqu minn fuq il-post. Madankollu huma sabu lil Ramzi fil-bar minkejja l-ordni li kienet imponiet fuqu l-Qorti. Hekk kif lemħuh hemm huma għamlu tfittxija fuqu u sabu d-droga ġo borza f’ħalqu.

Ramzi Abdulhafid Ib Abukem kien akkużat ukoll b’serq bi vjolenza nhar is-27 t’Ottubru, li żamm il-vittma kontra r-rieda tagħha u li kiser il-kundizzjonijiet mill-ħelsien għall-arrest.

Huwa ġie arrestat u kien interrogat ukoll bis-serqa li kien involut fiha nhar is-27 t’Ottubru.

Ramzi Abdulhafid Ib Abukem wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih. Min-naħa tagħha l-Prosekuizzjoni oġġezzjonat għall-ħelsien mill-arrest minħabba li kiser il-kundizzjonijiet imposti fuqu u għad hemm nies li jridu jitilgħu jixhdu.

Min-naħa tagħha l-Qorti nnotat li diġà kiser il-kundizzjoni mill-ħelsien għall-arrest u ordnat li jinżamm arrestat.