Qorti
Jinqabad bid-droga waqt il-festa ta’ Raħal Ġdid

Żagħżugħ ta’ 27 sena minn San Ġwann ingħata l-ħelsien mill-arrest wara li wieġeb li mhux ħati li kien fil-pussess ta’ droga kokaina.

Il-prosekuzzjoni spjegat li l-każ seħħ nhar il-Ħadd li għadda waqt il-festa ta’ Kristu Re f’Raħal Ġdid. Qal li waqt li l-pulizija kienet qed idur il-każini biex tiżgura li kienu magħluqa fil-ħin stipulat inutat persuna li kienet qed taġixxi b’mod suspettuż. Qalet li din il-persuna ġiet arrestata, ittieħdet l-għassa u nħelset wara li ma nstab xejn fuqha. Żiedet li barra l-għassa ltaqgħet mal-akkużat, li deher jarmi pakkett tas-sigaretti mgħaffeġ u li aktar tard fih instabu disa’ boroż mimlija sustanza bajda.

Permezz tal-avukat tal-għajnuna legali, l-akkużat wieġeb li mhux ħati. Fil-qorti ħareġ li l-akkużat għadu kemm ħareġ minn programm u jixtieq isib xogħol u jerġa’ jibda ħajtu.

Il-pulizija m’oġġezjonatx għat-talba għall-ħelsien mill-arrest li saret mid-difiża, bil-Maġistrat Josette Demicoli tilqa’ t-talba b’numru ta’ kundizzjonijiet.