Lokali
Jinqabad bil-kokaina iżda l-lavrant jigdeb biex jieħu t-tort hu

Raġel intbagħat il-ħabs wara li l-Qorti sabitu ħati li kien qed jittraffika d-droga, u m’emmnitx lil-lavrant ta’ missieru, li qal li d-droga kienet tiegħu biex jipprova jiskolpa lill-akkużat.

Il-każ imur lura għal Ġunju 2002 meta Charles Spiteri, li llum għandu 57 sena, kien twaqqaf mill-Pulizija f’Tal-Balal u nqabad b’40 gramma kokaina, flus kontanti u oġġetti relatati mal-bejgħ tad-droga fil-vann. Spiteri ċaħad li d-droga kienet tiegħu, u qal li l-vann kien jintuża minn tliet persuni oħra għal skopijiet ta’ xogħol.

Is-sentenza dwar dan il-każ inqatgħet fl-2014, iżda wara li sar appell, ġiet iddikjarata nulla, u l-każ reġa’ beda jinstema’ mill-ġdid fl-2017.

Fil-proċeduri l-ġodda xehed Charles Sammut, li qal li kien jaħdem ma’ ħuh u ma’ missier Spiteri fil-kisi. Huwa stqarr li d-droga li nstabet fil-vann dakinhar kienet tiegħu, għax dak iż-żmien kien mirkub mill-vizzju tad-droga. Qal li ma jridx li Spiteri jkompli jgħaddi minn baħar ta’ nkwiet minħabba fih.

Madanakollu l-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Donatella Frendo Dimech, m’emmnitx il-verżjoni taż-żewġ irġiel. Filwaqt li qalet li dik ta’ Spiteri kienet mimlija mistoqsijiet bla tweġiba, dik ta’ Sammut ma kinitx kredibbli lanqas, għax fost oħrajn, dan ma kienx jaf f’liema postijiet fil-vann instabet id-droga li suppost kienet tiegħu.

Il-Qorti ddeskriviet ix-xhieda ta’ Sammut bħala “messa in scena u pantomima”, u rrimarkat li Sammut kellu snin twal biex jersaq ‘il quddiem u jnaddaf il-kuxjenza, u ma tistax tifhem kif iddeċieda li jagħmel dan issa.

Filwaqt li kkundannat lil Spiteri 15-il xahar ħabs u ordnatu jħallas multa ta’ €550, il-Qorti ordnat ukoll lill-Kummissarju tal-Pulizija biex jinvestiga lil Sammut fuq xhieda falza.

Aħbarijiet Oħra
Qorti

Lukanda li tinsab quddiem il-baħar fil-Gżira ġiet miċħuda l-permess li tarma l-imwejjed u s-siġġijiet barra. Dan minkejja l-argument li nġieb li ħarġu diversi permessi simili fl-istess triq. It-Tribunal tar-Reviżjoni Amministrattiva…

Lokali

L-akkaniżmu tal-festa tela’ għal ras raġel mill-Birgu li spiċċa ta’ daqqa ta’ qasrija lil raġel ieħor.  L-inċident seħħ ilbieraħ waranofsinhar u x’aktarx li kien minħabba r-rivalità taż-żewġ każini f’din il-lokalità…

Kultura

Il-Milied ta’ din is-sena se jkun wieħed iktar speċjali għal dawk li għandhom għal qalbhom il-presepji. Bħal kull sena Festivals Malta qed tniedi l-Kompetizzjonijiet Nazzjonali tal-Presepji għall-Milied tal-2018 f’sitt kategoriji…

Aktar