Kronaka
Jinqabad b’xabla fuqu fi stabbiliment f’Paceville

Intervent f’waqtu minn uffiċjali tas-sigurtà ta’ stabbiliment f’Paceville wassal għall-arrest ta’ Libjan wara li fuqu nstabet xabla żgħira.

TVM huwa infurmat li kienu għal ħabta tal-4.30am, meta l-Libjan beda jaqla’ l-inkwiet fi stabbilimet tad-divertiment fi Triq San Ġorġ. Malli twaqqaf mill-uffiċjali tas-sigurtà tal-istess stabbiliment, il-Libjan deher li kien se joħroġ arma kbira li kellu moħbi fuqu. Minnufih l-istess uffiċjali tas-sigurtà talbu għall-assistenza tal-Pulizija.

Fuq il-post marru l-Pulizija tad-Distrett li kienu stazzjonati f’Paceville u arrestaw lir-raġel. Wara li l-uffiċjali indikaw fejn kellu l-arma, din instabet mill-pulizija fejn kellha xafra twila madwar 45 ċentimetru u manku twil 15-il ċentimetru ieħor.

Il-Libjan ittieħed lejn l-Għassa ta’ San Ġiljan għal aktar stħarriġ.