Kronaka
Jinqabad jitraffika d-droga kokaina f’Għawdex

Il-Pulizija arrestat raġel ta’ 34 sena mill-Għarb Għawdex fuq traffikar ta’ droga.

Fi stqarrija l-Pulizija qalet li l-ħidma mill-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga kompliet f’Għawdex fejn wara diversi jiem ta’ osservazzjoni u investigazzjoni b’rabta ma’ allegat traffikar ta’ droga, il-Pulizija arrestat raġel ta’ 34 sena, residenti l-Għarb.

Il-pulizija qalet li r-raġel deher il-bieraħ filgħodu ħiereġ mir-residenza tiegħu fl-Għarb u saq lejn il-Qala fejn deher dieħel f’residenza oħra. Wara xi ħin hemmhekk, ir-raġel deher ħiereġ u saq lejn ir-Rabat Għawdex.

Il-Pulizija qalet li kien f’dan il-ħin għall-ħabta tal-11.30am meta l-pulizija ċċirkondaw il-vettura tar-raġel fi Pjazza tat-Tokk. Fi tfittxija li saret fil-vettura l-Pulizija sabet basket żgħir u fih kien hemm sustanza bajda suspettata droga kokaina.

It-tfittxijiet mill-Pulizija mill-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga, assistiti mis-Sezzjoni tal-Klieb, komplew fir-residenza tar-raġel fl-Għarb, u fil-Qala fejn kien mar aktar qabel.

F’dawn it-tfittxijiet instabu sustanzi suspettati kokaina u eroina.

Ir-raġel qed jinżamm arrestat u mistenni jitressaq il-Qorti fis-sigħat illi ġejjin. Dwar il-każ infetħet inkjesta mill-Maġistrat Simone Grech.