Lokali
Jinqabdu 150 kilo kannabis lejlet il-Milied
Lejlet il-Milied kien wieħed impenjattiv għad-Dipartiment tad-Dwana, liema ħidma waslet għal qabda kbira oħra ta’ droga, li tlaħħaq il-150 kilo kannabis. Lejlet il-Milied kien wieħed impenjattiv għall-ħaddiema tad-Dwana stazzjonati fis-Sea Passenger Terminal. Żewġ persuni li kienu għadhom kemm waslu Malta bil-katamaran minn Pozzallo twaqqfu u fuqhom instabu 150 kilo kannabis u 48 kilo tabakk tax-shisha, rispettivament. Fuq wieħed mill-persuni nstabet ukoll arma kkargata. Il-Pulizija fi stqarrija qalet li r-raġel ta’ 42 sena li inqabad bil-kannabis se jitressaq il-Qorti b’arrest għada quddiem il-Maġistrat Natasha Galea Sciberras.

L-uffiċjali tad-Dwana, kienu qed jagħmlu tfittxijiet ta’ rutina tal-vetturi kollha li bdew neżlin minn fuq il-katamaran li kien għadu kemm wasal Malta minn Pozzallo fis-6.15 tal-Ħadd filgħaxija. Minħabba suspett fi vann tal-kiri, misjuqa minn Malti ta’ 42 sena li joqgħod l-Imsida, tad-Dwana waqqfuh u talbu lis-sewwieq jekk għandux x’jiddikkjara. Il-Misidjan wieġeb li fil-vann kellu biss ftit fliexken tal-alkoħol u xi ġugarelli għat-tfal tiegħu.

Id-Direttur Ġenerali tad-Dwana Joe Chetcuti, qal lil tvm.com.mt li l-uffiċjali tal-Infurzar tad-Dwana ġewhom suspett f’balal suspettużi tal-plastik li kienu mitfugħin fuq wara tal-vann. Minn tfittixija li saret fihom, f’għaxar balal instabet id-droga, kif ukoll pistola awtomatika li kienet ikkargata bi tmien balal fiha

Joseph Chetcuti qal li “immedjatament issejħet l-assistenza tar-Rapid Intervention Unit, kif ukoll l-Iskwadra ta’ Kontra d-Drogi li mill-investigazzjonijiet irriżulta li kien hemm 150 kilo kannabis €36,000 fi flus kontanti mhux iddikkjarati li d-Dwana u arma tan-nar bil-munizzjon fiha”.

Id-Direttur Ġenerali tad-Dwana qal li dan iż-żmien tas-sena ikun l-aktar bieżel għall-uffiċjali tad-Dwana.

“Huma ġranet bħal dawn ta’ żmien il-Milied, tal-ewwel tas-sena, bħal tal-ġimgħa mqaddsa, xi final tal-world cup jew champions league jew elezzjoni ġenerali, fejn l-attenzzjoni tkun fuq dak li jkun għaddej u jkun hemm min jemmen illi li se jsibna off-guard, imma propju f’dawn l-okkazzjonijiet irridu nkunu attenti iktar u l-qabdiet kbar ikunu f’dawn il-ġranet” qal Chetcuti.

Intant, Sirjan ta’ 31 sena li niżel ukoll minn fuq l-istess katamaran twaqqaf mill-uffiċjali tad-Dwana wara suspett li qam fih. Minn tfittxija li saret fil-karozza Volkwagen Touran li kien qed isuq, instabu 48 kilo tabakk tax-xixa li ma kinux iddikkjarati.

Is-Sur Chetcuti rringrazzja lil kull min kien involut kemm tad-dwana kif ukoll il-pulizija għal dawn il-qabdiet. Iż-żewġt irġiel arrestati qed jinżammu d-Depot sabiex jitressqu l-Qorti.