Kronaka
Jinqabdu bid-droga fl-appartament meta l-Pulizija marru minħabba l-istorbju

Tliet żgħażagħ Spanjoli ta’ 23 sena ġew arrestati f’San Ġiljan wara li nstabu fil-pussess ta’ sustanzi suspettati droga ecstasy, raża tal-cannabis u ħaxixa tal-cannabis.

Fi stqarrija l-Pulizija qalet li dawn ġew arrestati wara li l-Pulizija tad-Distrett ta’ San Ġiljan marru fi blokka ta’ appartamenti fi Triq il-Mensija fuq rapporti ta’ storbju li daħli għall-ħabta tal-4.15am.

X’ħin waslu fuq il-post, il-Pulizija taw struzzjoni lill-persuni li kienu fl-appartament sabiex jinżlu isfel, iżda dawn irriffjutaw.

Bl-assistenza ta’ xi ġirien, il-Pulizija daħlu fil-binja, u meta telgħu fit-tieni sular, daħlu fl-appartament u sabu lit-tliet żagħżagħ. Minn tfittxija li saret fl-appartament instabu sustanzi suspettati droga.

It-tliet Spanjoli kienu arrestati u ittieħdu fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija. L-investigazzjonijiet mill-Pulizija mid-Distrett ta’ San Ġiljan dwar dan il-każ għadhom għaddejjin.