Qorti
Jinqabdu b’passaporti ffalsifikati u jispiċċaw il-Qorti

Żewġ Iranjani tressqu l-Qorti akkużati li ffalsifikaw żewġ passaporti, li kellhom fil-pussess tagħhom żewġ passaporti wieħed Daniż u ieħor Irlandiż ffalsifikati u li użawhom passaporti ffalsfikati.

Seyedsoroush Hosseini ta’ 31 sena u Diako Sobhi ta’ 46 sena wieġbu li mhumiex ħatja. L-avukat tal-għajnuna legali Joe Brincat talab għall-ħelsien mill-arrest.

Il-prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Hubert Gerada oġġezzjonat. L-Ispettur qal li ż-żewġ Iranjani ppeżentaw passaporti foloz ta’ livell għoli ħafna u diġà ingannaw l-uffiċjali tal-immigrazzjoni Torok. Spjega li l-Iranjani telqu minn Istanbul għal Malta, fejn kellhom ibbukjata titjira għal Franza.

Qal li huma użaw lil Malta kemm jgħaddu minnha u malli ndunaw li l-uffiċjali tal-immigrazzjoni Maltin qabduhom b’passaporti ffalsifikati, huma għamlu talba għall-ażil f’Malta u l-prosekuzzjoni tibża’ li jippruvaw jaħarbu.

L-avukat Brincat argumenta li hemm ċirkostanzi fl-Iran li jagħmlu l-ħajja diffiċli u qal li l-ispettur għamel sew li beda proċess tal-ażil iżda ma jfissirx li persuna għandha tibqa’ arrestata.

Il-Qorti ċaħdet it-talba minħabba n-natura tal-akkużi u għax ma ngħatax serħan tal-moħħ lill-Qorti li akkużati se jżommu mal-kundizzjonijiet u mhux se jaskondu minn Malta.