Skart
Jinqabdu fuq kamera jarmu saqqu barra f’Raħal Ġdid

Mara u raġel inqabdu fuq kamera tas-sigurtà waqt li kienu qed jarmu saqqu barra f’Raħal Ġdid fis-sigħat bikrin tal-Ġimgħa li għadda.

Il-Kunsill Lokali qal lil TVM li l-każ seħħ fi Triq Ninu Cremona, u li l-filmat, li diġà huwa ssorveljat mil-LESA, ingħata f’idejn il-Pulizija dalgħodu.

Waqt li ppubblika r-ritratt ta’ din il-koppja fuq il-midja soċjali, il-Kunsill qal li kien ikun aħjar li kieku minflok ħelsu mis-saqqu fis-satra tal-lejl, dawn ċemplu fuq in-numru 21664066, u dan kien jinġabar mill-Kunsill Lokali b’xejn.

Minbarra li jeżisti servizz b’xejn ta’ ġbir ta’ skart goff fl-irħula kollha madwar Malta, wieħed jista’ wkoll imur jarmi f’wieħed miċ-ċentri tal-iskart goff f’Ħal Far, Ħal Luqa, l-Imrieħel, Ta’ Qali, il-Magħtab u f’Tal-Kus f’Għawdex.