Enerġija
AĠĠORNAT: Jinqata’ d-dawl f’ħafna postijiet madwar Malta

Għall-ħabta tal-5.50 tal-lejla nqata’ d-dawl f’ħafna postijiet madwar Malta.

Fost postijiet irrappurtati bla dawl hemm irħula fin-naħa t’isfel u fiċ-ċentru, bħal Birżebbuġa, iż-Żejtun, il-Ħamrun, Birkirkara u n-Naxxar. Kien irrappurtat ukoll qtugħ f’postijiet fin-naħa ta’ fuq bħal Mosta u nħawi minn San Pawl il-Baħar.

Sa ftit minuti wara xi lokalitajiet bdew jirrappurtaw li d-dawl kien beda jiġi lura.

Iktar tard l-Enemalta plc fi stqarrija fuq il-midja soċjali qalet li l-qtugħ fil-provvista tal-elettriku kien estensiv, u li t-tekniċi  jinsabu għaddejjin b’ħidma kontinwa biex tissolva l-kwistjoni.

L-aħħar li mar id-dawl kien nhar it-Tnejn, meta l-Enemalta qalet li l-kawża għal dan il-qtugħ fil-provvista kienet ħsara fil-cable tal-interconnector bejn Malta u Sqallija, u wissiet li din il-ħsara tant hi kbira li t-tiswija tista’ tieħu bosta ġimgħat, b’konsegwenza li jaf ikun hemm aktar interruzzjonijiet fil-provvista li l-kumpanija ma jkolliex kontroll fuqhom.