Barranin
Jinqatel il-kok famuż Taljan Alessio Madeddu

Il-kok Taljan Alessio Madeddu nstab mejjet fl-età ta’ 52 sena.

Huwa nstab mixħut għal tulu fl-art quddiem ir-ristorant tiegħu f’Porto Budello, f’Sardenja. Skont rapporti fil-midja Taljana, huwa jidher li laqqat diversi daqqiet b’arma li taqta’ u bil-ponta.

Madeddu, li għex u trabba fil-komun ta’ Teulada f’Cagliari, kien sar famuż wara li fl-2018 wera l-ħiliet kulinarji tiegħu fil-pubbliku fil-programm Taljan ‘4 Ristoranti’ ppreżentat mill-kok Taljan Alessandro Borghese. Ir-ristorant ta’ Madeddu, fost l-oħrajn, huwa magħruf għall-ħut, tant li kien il-kok stess li kien stqarr fil-beraħ li ta’ kuljum joħroġ jistad għall-ħut frisk.

Fl-aħħar snin, Madeddu kien involut f’għadd ta’ atti vjolenti. Fost l-oħrajn, bħal dan iż-żmien sena, huwa kellu xi jgħid bl-ikrah mal-Carabinieri. Lil Madeddu kienet itteħditlu l-liċenzja tas-sewqan għax irrifjuta li jagħmel it-test tal-breathalyser wara li kien involut f’inċident tat-traffiku. Huwa kien ġie kkundannat sitt snin u tmien xhur ħabs.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar il-każ għadhom għaddejjin. S’issa għadu mhux magħruf x’wassal għall-mewt ta’ Madeddu.