Lokali
Jinsab fit-tielet qari l-abbozz tal-liġi dwar ir-rappreżentanza ugwali tal-ġeneru fil-Parlament

L-abbozz tal-liġi dwar ir-rappreżentanza ugwali tal-ġeneru fil-Parlament jinsab fit-tielet qari u fi kliem il-Ministru għall-Ġustizzja u l-Ugwaljanza Edward Zammit Lewis, din ir-riforma se tirrifletti iżjed il-kompożizzjoni tas-soċjetà Maltija fil-Kamra tad-Deputati.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet barra l-Parlament fl-okkażjoni ta’ Jum il-Mara, Dr Zammit Lewis qal li l-ħtieġa għal dan il-mekkaniżmu korrettiv tnebbaħ mill-fatt li l-iżjed istituzzjoni demokratika importanti fil-pajjiż, mhix rappreżentata biżżejjed min-nisa. Sostna li minkejja li l-mekkaniżmu korrettiv qanqal reazzjonijiet mħallta, huwa konvint li l-gvern qed jagħmel deċiżjoni għaqlija.

Mart il-Prim Ministru, Lydia Abela qalet li l-Gvern qiegħed hemm biex jibdel is-sitwazzjoni attwali fejn il-proċessi ma jkunux qed jagħtu r-riżultati biex isiru ta’ benefiċċju ikbar għas-soċjetà. Qalet li hija fiduċjuża li sa għoxrin sena oħra, in-nisa se jsibu posthom awtomatikament fil-Parlament minħabba li tkun trawmet kultura ta’ apprezzament u valutazzjoni ta’ nisa kompetenti.

Il-Professur Carmen Sammut, li mexxiet il-kumitat tekniku dwar il-mara fil-ħajja pubblika, fissret l-emendi fil-liġi bħala storiċi u qalet li se jkomplu jsaħħu t-tradizzjonijiet b’saħħithom fil-mod kif is-sehem tal-mara evolva fl-istorja politika ta’ Malta.