Jinsab fl-aħħar stadju x-xogħol fuq il-pixkerija l-ġdida fil-Marsa

Jinsab fl-aħħar stadju x-xogħol fuq il-pixkerija l-ġdida li qed tinbena fil-Marsa.  Din il-pixkerija li qed issir b’investiment ta’ €3,800,000 se tieħu post dik li hemm fix-Xatt tal-Belt u li ilha tintuża aktar minn 100 sena.

Fi żjara fil-post il-ġdid, tħabbar li nstabet soluzzjoni għall-problema tal-ħatt tal-ħut billi l-pixkerija l-ġdida ma tinstabx mal-baħar u li s-settur tas-sajd akkwista tmien miljun Ewro oħra f’fondi Ewropej għas-sajd biex l-allokazzjoni għas-sitt snin li ġejjin issa telgħet għal madwar €22 miljun.

Il-Pixkerija fix-Xatt tal-Belt ilha għal dawn l-aħħar 103 snin taqdi l-ħtiġijiet tas-sajjieda Maltin. Eluf ta’ tunnellati ta’ kull tip ta’ ħut għaddew minn dan il-bini li illum sar wieħed antikwat u b’nuqqasijiet kbar ta’ faċilitajiet moderni li dan is-settur tant jeħtieġ.

Għal xi żmien kien kunsidrat li jsir titjib f’dan il-post iżda minħabba nuqqas ta’ spazju kien ġie deċiż li tinbena faċilita ġdida fil-Marsa. Il-pixkerija l-ġdida qed issir b’investiment ta’ €3,800,000, parti minnhom minn fondi Ewropej, bix-xoghol infrastrutturali jinsab fl-aħħar stadju tiegħu.

Waqt zjara fil-pixkerija l-ġdida, is-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, Roderick Galdes qal li l-għażla tal-post għall-pixkerija l-ġdida mill-gvern preċedenti kienet ikkritikata mis-sajjieda minħabba li din ma tinsabx mal-baħar. Spjega li l-gvern irnexxielu jsolvi din il-problema billi kiseb aċċess fil-port fejn il-ħut, fi ftit minuti jitniżżel l-art, u jitwassal il-pixkerija. Qal li b’fondi Ewropej dan il-post għall-ħatt tal-ħut se jiġi attrezzat kif xieraq.

Is-Sur Galdes semma wkoll li b’investiment li sar fl-infrastruttura ġiet solvuta problema ta’ drenaġġ li kien qed joħroġ mill-biċċerija lejn il-pixkerija l-ġdida.

Il-pixkerija l-ġdida se tkun maqsuma f’żewġ sulari. Il-ħut se jinbiegħ isfel waqt li fis-sular ta’ fuq se jsir impjant għall-ipproċessar tal-ħut. Spjega li se toħroġ sejħa għal espressjoni ta’ interess biex jiġi identifikat operatur li jħaddem dan l-impjant fejn il-ħut jitnaddaf u jkun ippakkjat għall-konsumatur. Il-pixkerija mistennija tilqa’ 12-il pitkal.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej, Ian Borg, qal li l-proġett tal-Pixkerija l-ġdida fisser sfida biex ma jintilfux fondi Ewropej. Ħabbar li għall-budget li jmiss li jkopri l-perjodu sal-2020, il-fondi għas-settur tas-sajd se jkunu ta’ madwar €22 miljun, żieda ta’ tmien miljuni fuq dak imħabbar fi Frar 2013. Dr Borg qal li bin-negozjati li saru mill-gvern fi Brussell, Malta se tibbenefika minn waħda mill-akbar żidiet fil-fond marittimu u sajd tal-Unjoni Ewropea.

Aħbarijiet Oħra
Kronaka

80 ħaddiem barrani li nstabu joqogħdu f’lukanda f’Tas-Sliema li suppost hi magħluqa b’avviż ta’ infurzar ġew ordnati mill-Awtorità tat-Turiżmu biex imorru joqogħdu f’post ieħor. Television Malta jinsab infurmat li dawn…

Lokali

Diversi ħaddiema fis-settur tas-saħħa kellhom jieħdu d-deċiżjoni diffiċli biex waqt li jservu fl-isptar fost pazjenti bil-Coronavirus, jinfirdu mill-għeżież tagħhom u jmorru joqgħodu band’ oħra. F’din is-sitwazzjoni, il-fergha taż-Żgħażagħ tal-Azzjoni Kattolika…

COVID-19

Koki li jaħdmu f’diversi ristoranti li jinsabu magħluqa minħabba r-restrizzjonijiet li saru, ma spiċċawx b’idejhom fuq żaqqhom għax xammru l-kmien u b’mod volontarju qed iħejju ikliet bnini għal ħaddiema fost…

COVID-19

It-tliet deputati Nazzjonalisti Għawdxin, Chris Said, Frederick Azzopardi u Kevin Cutajar qalu fi stqarrija li l-miżuri li tħabbru lbieraħ għall-isptar ta’ Għawdex huma fid-direzzjoni t-tajba, anke għax huma fost il-miżuri…

Aktar