Immigrazzjoni
Jinsabu f’diffikulta mal-100 immigrant fosthom tifel mitluf minn sensih

Tirritorna l-emerġenza immigrazzjoni fil-Mediterran. Wara ż-żewġ nawfraġji li fihom hu maħsub li mietu mal-mija u sebgħin persuna, qed ikun rappurtat li mal-mitt immigrant jinsabu f’diffikultà ftit ‘il barra mill-kosta Libjana u l-attivisti ta’ Sea Watch għadhom qed jistennew risposta dwar fejn se jdaħħlu s-47 immigrant li salvaw ilbieraħ.

Qed ikun rappurtat li mal-100 immigrant fosthom 20 mara u tnax-il tifel u tifla abbord dgħajsa ‘l barra mill-kosta ta’ Misurata fil-Libja jinsabu f’diffikultà. L-għaqda mhux governattiva Alarm Phone, li toffri għajnuna lil persuni f’diffikultà bejn sema u ilma, qalet li dalgħodu ġiet mgħarrfa bil-mitt immigrant li jinsabu fi stat ta’ paniku u talbet għall-għajnuna tal-awtoritajiet. Żiedet li abbord hemm tifel li jinsab mitluf minn sensih jew mejjet.

Fi żvilupp ieħor, l-għaqda mhux governattiva Sea Watch, li lbieraħ salvat 47 persuna, li kienu f’diffikultà mal-50 mil ‘il barra mill-kosta Libjana, qalet li ħadd għadu ma’ ħa r-responsabilità biex jikkordina l-operazzjoni ta’ salvataġġ. Qalet li ġiet riferuta għand l-awtoritajiet Libjani, li mhumiex iwieġbu għat-telefonati tagħhom.

Sea Watch qalet li fost l-immigranti salvati hemm tmint itfal, li mhumiex akkumpanjati minn ġenituri.

L-aġenzija tar-refuġjati tan-Nazzjonijiet Magħquda qalet li fil-ġranet li għaddew mal-170 persuna tilfu ħajjithom f’żewġ każi separati fil-Mediterran. Il-Gwardja tal-Kosta Taljana qed tirrapporta li dgħajsa għerqet b’117-il persuna abbord waqt li l-awtoritajiet Marokkini u Spanjoli qed ifittxu għal dgħajsa oħra bl-immigranti li x’aktarx għerqet fil-Punent tal-Mediterran.

Waqt l-Angelus, il-Papa Franġisku stqarr li l-aħħar nawfraġji fil-Mediterran hu weġgħa kbira għalih.

Il-Viċi Prim Ministru u Ministru għall-Intern Taljan Matteo Salvini qal li l-portijiet Taljani kienu u se jibqgħu magħluqa.

Aħbarijiet Oħra
Lokali

Il-Prim Ministru Joseph Muscat wera tħassib dwar dak li ġara lir-residenti tal-blokka li ġġarrfet fi Gwardamangia u talab biex jingħata rapport dwar kif żvolġiet is-sitwazzjoni. Meta kien qed iwieġeb mistoqsijiet tal-ġurnalisti,…

Avjazzjoni

L-Air Malta se tibda topera servizz skedat ta’ darbtejn fil-ġimgħa kull nhar ta’ Tlieta u kull nhar ta’ Ġimgħa lejn il-gżira Balearika ta’ Ibiza, li hija magħrufa l-aktar għan-nightlife tagħha….

Unjoni Ewropea

Il-maġġoranza assoluta tal-Maltin iħossu li l-pajjiż ibbenefika mis-sħubija fl-Unjoni Ewropea. Stħarriġ tal-Ewrobarometru tar-Rebbiegħa li sar mill-Parlament Ewropew li sar bejn Frar u Marzu juri li 91% tal-Maltin wieġbu li Malta…

Saħħa

Espert kliniku mill-NHS Ingliża beda jara l-pazjenti bl-ADHD u jiddiskuti ma’ konsulenti mediċi lokali bil-għan li jagħti pariri lid-Dipartiment tas-Saħħa dwar mediċini tal-ADHD. Tliet ijiem ilu d-Deputat Prim Ministru u…

Aktar