Storja
Jinstab ’il barra mill-Port il-Kbir is-sottomarin li għeb 77 sena ilu

Solvut fl-aħħar xhur il-misteru dwar l-għajbien tas-sottomarin tar-Royal Navy li f’April tal-1942 sparixxa ftit wara li salpa minn Malta lejn l-Eġittu. Is-sottomarin instab mgħarraq ftit ‘il barra mill-Port il-Kbir minn tim ta’ bugħaddasa u arkeologi mill-Università ta’ Malta, minn Heritage Malta, mill-Istati Uniti u mir-Renju Unit.

Il-Ministeru tad-Difiża tar-Renju Unit u r-Royal Navy ikkonfermaw li r-relitt huwa tas-sottomarin HMS Urge, li għereq b’44 ruħ abbord, fosthom 32 membru tal-ekwipaġġ. Is-sit tar-relitt se jkun dikjarat bħala qabar tal-gwerra.

Jinsab f’fond ta’ madwar 108 metri ftit ‘il barra mill-Port il-Kbir. Għadu wieqaf, kważi intatt, is-sottomarin HMS Urge li fis-27 ta’ April tal-1942 ħareġ mill-port ta’ Marsamxett għall-aħħar darba fi triqtu lejn l-Eġittu fejn suppost kellu jsib kenn mill-attakki tal-għadu.

Il-Professur Timmy Gambin, arkeologu mill-Universita’ ta’ Malta, mexxa l-ispedizzjoni. “Is-suspett dejjem kien li s-sub laqat xi mini Taljani jew Ġermaniżi u għerqet, u fil-fatt aħna bil-footage li rajna, ikkonfermajna li kien hemm splużjoni vjolenti ħafna. Submarinee tilfet parti ta’ quddiem, għerqet b’ħeffa. Min kien abbord ma kellu ċans ta’ xejn li jsalva.”

Mat-32 baħri mmexxija mill-kaptan il-Logutenent Kmandant EP Tomkinson, kien hemm 13-il persuna oħra, fosthom il-korrispondent tal-gwerra Bernard Gray.

“L-Urge tinsab f’kundizzjoni tajba ħafna ħlief il-parti ta’ quddiem li ġiet imfarrka mill-isplużjoni. Mill-bqija kollox qiegħed hemm. Qegħda wieqfa f’qiegħ il-baħar, kważi tistenna li terġa’ titlaq fuq il-vjaġġ tagħha,” qal Prof. Gambin.

B’din is-sejba mxejna għal kollox allegazzjonijiet li saru madwar erba’ snin ilu, li s-sottomarin kien instab mgħarraq ftit ’il barra mill-kosta Libjana. Il-Ministeru tad-Difiża tar-Renju Unit u r-Royal Navy kkonfermaw li s-sejba barra l-Port il-Kbir hija awtentika u li s-sottomarin li sabu huwa propju l-HMS Urge.

“Se nibdew il-proċess mas-sovrintendent biex niddikjaraw din iż-żona bħala ‘area of archaeological importance’, nagħmlu buffer zone madwarha, u awtomatikament dan is-sit huwa qabar tal-gwerra protett. Ħadd ma jista’ jgħodd u jidħol ġos-submarine. Biex intik eżempju tal-protezzjoni li se jkollu dan is-sit,” qal Prof. Gambin.

Bint il-kaptan EP Tomkinson, li kellha xahar meta missierha u l-ekwipaġġ tiegħu ntilfu, u n-neputi tiegħu Francis Dickinson, li kien wieħed mill-promoturi għat-tiftix tas-sottomarin, mistennija jiġu Malta f’April li ġej biex ifakkru lilu u lill-bqija tal-ekwipaġġ f’ċerimonja ta’ tifkira fit-78 anniversarju mit-telfa tal-HMS Urge.

Aħbarijiet Oħra
Ġurnali

Din hi ħarsa lejn l-istejjer ewlenin fil-ġurnal tal-lum, il-Ħadd 9 ta’ Awwissu 2020. Times of Malta Storja fl-ewwel paġna tal-ġurnal The Times of Malta tgħid li aġent tax-shipping Malti huwa…

COVID-19

Il-mediċina u l-ikel huma fost l-aktar prodotti essenzjali li mingħajrhom Malta ma tgħaddix fi żmien ta’ pandemija. Tliet xufiera Maltin li jaħdmu ma’ kumpanija lokali tal-loġistika rifsu Malta għall-ewwel darba…

Lokali

Fil-fehma tad-Dekan tal-Fakultà għat-Tisħiħ tas-Soċjetà, il-Professur Andrew Azzopardi, il-ġlieda kontra d-droga u l-kultura tal-flus huma kruċjali biex iż-żgħażagħ ma jaqbdux it-triq tal-kriminalità li studju juru li jekk jidħlu fiha minn…

Aktar