Lokali
Post alternattiv għad-Detox – 800 persuna kuljum jingħataw is-servizz

Instab post alternattiv biex id-detox ma jibqax fejn l-isptar San Luqa fi G’Mangia. Dan ġie konfermat mill-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għas-Servizzi tal-Ħarsien Soċjali Alfred Grixti li madankollu ma tax dettalji tal-post il-ġdid. Sadanittant, is-servizz li jingħata mid-Detox qed jilħaq mat-800 persuna kuljum li huma dipendenti fuq id-droga.

Iċ-Ċentru Detox li għal bosta snin ħadem mill-qrib mal-persuni li jabbużaw mid-droga biex jibdew il-proċess ta’ rijabiltazzjoni mhux ser jibqa’ fi G’Mangia biswit l-isptar San Luqa. Skont l-uffiċjal tad-Detox, mat-800 persuna kuljum jużaw il-faċilitajiet ta’ dan iċ-ċentru biex jingħataw mistura li hija sostitut għad-droga.

Il-preżenza ta’ daqstant persuni dipedenti fuq id-droga fl-inħawi ta’ G’Mangia spiss qajmet ilmenti mir-residenti iżda issa jidher li ttieħdet id-deċiżjoni biex dan iċ-ċentru jiġi rilokat.

Dan ġie konfermat minn Alfred Grixti – Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għas-Servizzi tal-Ħarsien Soċjali li tmexxi dan is-servizz.

Alfred Grixti  qal “ġie identifikat post u nserraħ ras kulħadd li ser ikun post ċentrali u milħuq minn dawk li m’għandhomx it-trasport tagħhom. Se jkun post fejn m’hemmx ġirien u ser ikun post fejn ħadd mhu ser ikun jista’ jistaħba wara l-kantunieri.”

Mistoqsi fejn jinsab huwa qal li bejn il-Floriana u l-Ħamrun.

Is-Sur Grixti qal li r-rilokazzjoni tal-binja ser issir b’kollaborazzjoni mal-Awtorità tal-Artijiet. Qal li fl-aħħar budget ġew ivvutati nofs miljun ewro għal dan il-proġett.

Id-Direttur Kliniku tas-Sedqa, Dr George Grech qal li fix-xahar qed jkun hemm medja ta’ 800 persuna differenti li jirċievu l-kura mid-Detox. Spjega li fost oħrajn li bil-methadone persuni li jabbużaw mill-eroina ma jibqgħux jittaqbu u jnaqqsu r-riskju ta’ infezzjonijiet.

Dr Grech jinnota li fl-aħħar snin inbidlet ix-xejra tal-abbuż tad-droga, bil-persuni li jabbużaw mill-eroina naqsu għalkemm żdied l-użu ta’ drogi oħra.

Dr Grech qal “minn dawn l-aħħar tlieta, erba’ snin il-każijiet ta’ nies li qed jabbużaw minn droga oħrajn, speċjalment il-kokaina u d-drogi sintetiċi u rridu nsemmu d-drogi sintentiċi dawk qed jiżdiedu, mhux ser ngħid b’mod allarmanti iżda b’mod li lilna jinkwetana.”

Dr Grech qal li l-maġġoranza tal-klijenti tad-Detox huma Maltin, għalkemm jirrikorru wkoll xi barranin l-aktar Taljani u mill-Ewropa tal-Lvant. Id-Direttur Kliniku tad-Detox stqarr li l-problema tal-abbuż tad-droga hija kumplessa u ma tolqotx biss liż-żgħażagħ.

Dr Grech qal “l-iktar li qed naraw huma nies ta’ età kbira, nies li ilhom bil-problema tal-eroina għal ħafna snin – kienu l-ħabs pereżempju, ħarġu mill-ħabs jew għamlu programm ta’ rijabilitazzjoni u reġgħu waqgħu. Hawnhekk qed naraw mhux biss l-użu tad-droga, iżda l-kumplikazzjoni ta’ ħafna snin tal-użu tad-droga. Hawn min qatalgħu saqajh, problemi ta’ Trombosi, problemi psikjatriċi.”

Dr Grech saħaq li fil-pajjiż hawn bosta servizzi biex jgħinu lil min jinħakem mill-vizzju tad-droga biex jerġa jsib ħajtu u min ifittex l-għajnuna żgur li ser isibha jekk ikollu r-rieda li joħroġ mill-problema.

Aħbarijiet Oħra
Sajd

Idejh jafu jinsġu l-qasab għan-nases, anke b’għajnejh magħluqa. Bis-sengħa tan-nases fid-demm, Ġanni Xuereb, magħruf bħala Ġanni l-Pipi, illum jgħodd iktar minn 80 sena, u għadu ma telaqx in-namra max-xogħol tiegħu, …

Edukazzjoni

Is-sajf wasal biex jintemm u dħalna fl-aħħar ġimgħa qabel ma jerġgħu jibdew l-iskejjel. Iżda x’inhuma s-sentimenti tal-ġenituri u l-istudenti dwar l-bidu tas-sena skolastika ġdida? TVM tkellem mal-ġenituri u l-istudenti. Mal-wieħed…

Lokali

Waqt l-aħħar tislima li ngħatat lil Enrica lbieraħ fil-knisja ta’ San Ġiljan, inġabru €10,000 għal Puttinu Cares. Enrica kienet tgħożż il-familja ta’ Puttinu li tant tawha kuraġġ u sabar waqt…

Edukazzjoni

The Rotary Malta Clubs are calling for applications from residents of Malta wishing to pursue a post-graduate degree. The scholarship offered to Maltese residents is worth $ 30,000 and is…

Aktar