Barranin
Jinstab trattament ieħor għall-Covid li jsalva l-ħajjiet

Il-kumpanija bijoteknoloġika Regeneron sabet trattament ieħor għall-Covid li jagħti tama lil pazjenti bil-Covid biex jegħlbu l-virus, b’mod speċjali lil dawk li mardu serjament.

Regeneron kisbet dan ir-riżultat wara li wettqet studju f’għadd ta’ sptarijiet fir-Renju Unit fuq 9,785 pazjent. Instab, li t-trattament ħadem fuq terz tal-pazjenti. Fosthom, fuq Kimberley Featherstone, mara Ingliża ta’ 37 sena li f’kummenti lil BBC qalet li tinsab grata li ngħatat dan it-trattament u li ħadem fuqha.

Regeneron qalet li dan it-trattament isalva 20% aktar pazjenti minn dawk li jingħataw l-isteroid dexamethasone jew l-anti-infjammatorju tocilizumab. Żiedet, li bit-trattament tagħha, il-pazjenti ħarġu mill-isptar wara 13-il jum minflok wara medja ta’ 17-il ġurnata.

It-trattament ta’ Regeneron jiswa bejn £1,000 u £2,000 u għaldaqstant għadu mhux ċar liema pajjiżi se jkunu jistgħu jibbenefikaw minnu.