Barranin
Jinstab varjant ieħor tal-Covid-19 fil-Ġappun

L-awtoritajiet Ġappuniżi kkonfermaw li sabu varjant ieħor tal-Covid-19 f’4 turisti li vvjaġġaw mill-Brażil.

Il-Kap tal-Istitut Nazzjonali tal-Mard Infettiv, Takaji Wakita qal li qed isir studju intensiv biex jiġi ddeterminat jekk il-vaċċin hux effikaċi kontra dan il-varjant il-ġdid.

Qal li s’issa mhemm xejn li jindika li dan il-varjant jinfirex malajr bħal dak li feġġ fir-Renju Unit u fl-Afrika. Mir-riċerka li saret, instab li dan il-varjant fih 12-il mutazzjoni, waħda minnhom ukoll preżenti fil-varjant tar-Renju Unit.

L-4 turisti li nstabu bil-varjant malli waslu fl-ajruport huma raġel ta’ 40 sena li kien qed jaqta’ nifsu, mara ta’ 30 sena b’uġigħ ta’ ras u uġigħ fil-griżmejn, ġuvnott bid-deni u tfajla li ma kellha l-ebda sintomi.

L-awtoritajiet iddikjaraw stat t’emerġenza f’Tokyo u ż-żoni tad-dintorn wara li bdew jiżdiedu l-każijiet.

Il-Brażil min-naħa l-oħra qed jesperjenza t-tieni mewġa tal-Covid-19 b’medja ta’ 50,000 każi ġodda kuljum, bil-varjant tar-Renju Unit ukoll spiċċa feġġ fil-pajjiż.