Firma tikkonferma li pjanti tal-Belt mill-aħħar żminijiet tal-Kavallieri huma ta’ Ittar

Sejba li saret dan l-aħħar fil-kollezzjoni tal-Mużew Nazzjonali tal-Arti qanqlet interess qawwi fost bosta esperti lokali u barranin li bħalissa qed jaħdmu għall-proġett MUŻA, l-Mużew Nazzjonali tal-Arti l-ġdid fil-Berġa tal-Italja.

Waqt ħidma fuq l-inventarju tal-kollezzjoni tal-pjanti u mapep li għandu l-Mużew Nazzjonali tal-Arti, nstabu żewġ pjanti simili ħafna, tal-Belt Valletta u l-inħawi. Dawn iż-żewġ mapep huma simili għal mappa oħra li hemm fil-kollezzjoni “Mapep ta’ Malta” ta’ Albert Ganado – liema kollezzjoni mill-2008 ‘l hawn saret parti mill-kollezzjoni nazzjonali li b’kollox telgħet għal aktar minn 700 pjanta u mappa.

Il-kuratur Bernadine Scicluna qalet li Dr Ganado kien ilu żmien li attribwixxa din il-pjanta bħala xogħol Sebastiano Ittar u l-aħħar sejba fil-Mużew Nazzjonali tal-Arti kompliet tikkonferma li kellu raġun.

“L-ewwelnett stajna nżewġu permezz ta’ dawn it-tliet mapep, pjanta li hija mportanti ħafna għax hija datata lejn l-aħħar żminijiet tal-Ordni ta’ San Ġwann; u waħda minnhom hija oriġinali, l-verżjoni manuskritta magħmula b’linka u l-akwarell, l-oħra hija nċiżjoni u tixbah eżattament dik mill-kollezzjoni Ganado però d-differenza hi l-verżjoni li kienet teżisti fil-kollezzjoni tal-Mużew għandha l-firma tal-kartografu, Sebastiano Ittar,” spejgat il-kuratur Bernadine Scicluna.

Żiedet tgħid li l-istil ta’ dawn il-mapep jissejjaħ carte à bordures/figure għax hemm amalgamazzjoni tal-pjanta tal-belt u portijiet flimkien ma’ vinjetti jew xeni żgħar li jitfgħu dawl fuq il-ħajja fiż-żmien li saret din il-mappa.

Ix-xeni juru, waħda dik li llum hija magħrufa bħala Pjazza San Ġorġ fejn tidher għaddejja attività festiva magħrufa bħala l-Kukkajna; oħra turi l-Bibljoteka Nazzjonali u l-ħajja ta’ kuljum fil-Belt; oħra turi l-Kon-Kattidral ta’ San Ġwann fejn jidher li kien hemm xi funeral filwaqt li xena oħra turi dik li fi żmien il-Kavallieri serviet bħala Qorti u li llum hija magħrufa bħala Castalania fejn hemm il-Ministeru tas-Saħħa.

Iż-żewġ xeni t’isfel juru l-faċilitajiet marittimi ta’ żmien l-Ordni tal-Kavallieri ta’ San Ġwann u li llum m’għadhomx jeżistu fil-Birgu u fl-Isla. Il-mapep saru eżatt qabel ġew Malta il-Franċiżi u jagħtu ħjiel ta’ fiex kienet waslet il-Belt Valletta sakemm damu Malta l-Kavallieri ta’ San Ġwann.

Sebastiano Ittar kien dam madwar 10 snin f’Malta. Huwa kien ġie meta missieru Stefano Ittar fl-1785 kien ġie Malta minn Katanja wara li kien tqabbad mill-Ordni biex jiddisinja Bibljoteka Nazzjonali – li kien l-aħħar binja li bnew il-Kavallieri ta’ San Gwann f’Malta.

Ġara li fl-1790, Stefano miet u l-proġett tal-Bibljoteka komplih Sebastiano li spiċċa għamel karriera f’Malta bħala arkitett, disinjatur u artist. Minbarra pjanti, Sebastiano kien jitqabbad jiddisinja llustrazzjonijiet ta’ kotba fost ħafna xogħlijiet artistiċi oħra.

Aħbarijiet Oħra
Saħħa

Kull sena madwar 150 persuna f’Malta jinstab li għandhom kanċer fil-pulmun, li wħud minnhom x’aktarx li qabel ikunu bdew jinnutaw sintomi tal-kundizzjoni, magħrufa bħala COPD, li hi assoċjata mat-tipjip, it-tniġġis…

Ekonomija u Finanzi

Il-baġits għall-2019 ta’ Malta u disa’ pajjiżi oħra Ewropej kisbu l-approvazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea, filwaqt li l-Italja qed tissogra li taffaċċja azzjoni dixxiplinarja li tista’ twassal għall-multi, minħabba li qed tibqa’…

Politika

F’konferenza tal-aħbarijiet illejla, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li l-Prim Ministru mhux qed jgħid il-verità, għax minn banda jgħid li ma jafx kontra min hemm inkjesta, u mill-banda l-oħra…

Aktar