Lokali
Magħżul id-disinn u l-post tal-monument lil Oliver Friggieri

Heritage Malta għażlet id-disinn tal-artist John Grima għall-monument tal-ġgant letterarju Oliver Friggieri, li miet f’Novemrbu li għadda.

Id-disinn ġie magħżul minn ġurija, minn fost il-proposti li saru wara s-sejħa li ħarġet ftit xhur ilu, taħt l-awspiċi tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru.

Il-monument se jitqiegħed il-Floriana, fejn il-Professur Friggieri qatta’ tfulitu u żgħożitu, qrib il-monument li jfakkar l-Ewwel Gwerra Dinjija, u faċċata tal-monument f’ġieħ Dun Karm Psaila, il-poeta nazzjonali.

In-nefqa indikata għad-disinn u l-bini tal-mafkar hija ta’ madwar €100,000, kollox inkluż.

Il-ġurija rrakkomandat li ż-żewġ sottomissjonijiet l-oħra meqjusa fost l-aħjar, li saru minn Chris Ebejer u Lino Bianco, jissemmew b’unur u għalhekk se jingħataw premju ta’ flus skont l-espressjoni ta’ interess.