Lokali
Jintalab ruling dwar jekk Brian Tonna għandux iwieġeb domandi quddiem il-PAC

L-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati Anġlu Farrugia ntalab jagħti ruling dwar jekk is-sid tal-kumpanja Nexia BT Brian Tonna għadux iwieġeb il-mistoqsijiet li jsiru mill-Kumitat parlamentri għall-kontijiet pubbliċi li qed janalizza ir-rapport tal-Awditur Ġenerali dwar il-kuntratt tal-power station tal-Electrogas.

Is-Sur Tonna, meta deher quddiem il-kumitat parlamentari għażel li ma jwieġeb għall-ebda mistoqsija li saritlu mil-membri tal-Oppozizzjoni fuq is-sehem tiegħu fil-proċess tal-għażla u r-relazzjonijiet ma’ persuni msemmija fir-rapport tal-awditur.

L-Avukat Stephen Tonna Lowell, li qed jirrappreżenta lis-Sur Tonna informa lill-Kumitat li l-klijent tiegħu kien qed jinvoka d-dritt tas-silenzju u ma jweġibx minħabba li għadu qed jiġi investigat u sarulu mistoqsijiet dwar l-Electrogass f’inkjesta maġisterjali.

Iċ-Chairman tal-Kumitat għall-kontijiet pubbliċi Beppe Fenech Adami kkwota mis-sentenza tal-Qorti tal-Appell fil-każ ta’ Tancred Tabone u qal li kienet saret distinzjoni bejn xhud u ieħor. Qal li xhud jista’ ma jweġibx jekk jaħseb li se jinkrimina ruħu u jista’ ma jixhidx fejn ikun hemm proċeduri kriminali kontrih.

Id-deputat Nazzjonalista Fenech Adami qal li l-Kumitat parlamentari mhux infurmat li hemm xi proċeduri kriminali marbuta mal-Electrogas.

L-Avukat Stephen Tonna Lowell wieġeb li l-Kostituzzjoni ma tagħmilx distinzjoni bejn akkużat u suspettat u għalhekk il-klijent tiegħu kellu d-dritt għas-silenzju. Huwa rrefera wkoll għal sentenza tal-Qorti fil-każ ta’ Portelli u Cassar li kienu se jitilfu l-pleġġ jekk kienu jinstabu ħatja ta’ disprezz lejn ir-regolamenti tal-Parlament li qal huwa meqjus bħala reat kriminali.

Id-deputati Nazzjonalisti Karol Aquilna u Ryan Callus xorta waħda għamlu l-mistoqsijiet tagħhom bis-Sur Brian Tonna jagħżel li ma jweġibx.
Hawnhekk iċ-Chairman Fenech Adami qal li kien se jitlob rulig mingħand l-Ispeaker dwar x’mistoqsijiet ix-xhud seta’ jagħżel li jwieġeb jew li ma jweġibx.

Il-membri tal-Gvern fosthom il-Whip Glenn Bedingfield u n-Nutar Ian Castaldi Paris qalu li se jagħmlu l-mistoqsijiet tagħhom wara li jingħata ir-ruling mingħand l-Ispeaker Farrugia. Il-laqgħa għalhekk kienet sospiża.