Jintbagħtu r-riżultati tal-MATSEC bl-SMS

Studenti li fl-aħħar ġimgħat għamlu l-eżamijiet tal-MATSEC fil-livell ordinarju, bdew jirċievu r-riżultati li ġabu b’messaġġ fuq it-telefon ċellulari tagħhom.

Fuq il-paġna ta’ facebook il-MATSEC qalet li ntbagħtu r-riżultati kollha lil dawk il-kandidati li rreġistraw biex jirċievu r-riżultati b’SMS.

Kelliema għall-Università ta’ Malta qalet lil tvm.com.mt li kien hemm 6,599 student u studenti li għamlu dawn l-eżamijiet u 6,423 minnhom irreġistraw biex jirċievu r-riżultati b’SMS.

L-SMS intbagħtu mis-servizzi tat-teknoloġija tal-informatika tal-Università li bagħtu 5,938. Qalet li dawn se jkomplu jibgħatu l-messaġġi u li s’issa kien hemm 44 messaġġ li għal xi raġuni ma waslux.

Intqal ukoll li l-istudenti se jirċievu r-riżultat uffiċjali u l-informazzjoni dwar ir-‘resits’ kif ukoll dwar ir-reviżjoni tal-karta tal-eżami bil-posta fil-jiem li ġejjin.

Aktar informazzjoni minn fuq il-website tal-MATSEC www.um.edu.mt/matsec

Għal dawk l-istudenti li m’għaddewx mill-eżamijiet tal-Ingliż, il-Malti, il-Matematika u l-Fiżika u se jerġgħu jagħmlu l-eżamijiet f’uħud minn dawn is-suġġetti f’Settembru li ġej, il-Ministeru tal-Edukazzjoni ħabbar li se jkun qed joffri bla ħlas, klassijiet ta’ reviżjoni. L-inizjattiva se ssir bħala parti mill-garanzija għaż-żgħażagħ.

Il-lezzjonijiet ta’ reviżjoni se jsiru bejn it-28 ta’ Lulju u l-aħħar ta’ Awwissu li ġej. Il-Ministeru qal li l-istudenti eliġiblli għal dawn il-lezzjonijiet jridu jattendu l-lezzjonijiet kollha u jifhmu li dan se jkun programm intensiv li jitlob attenzjoni sħiħa.

L-istudenti jistgħu japplikaw sas-16 ta’ Lulju fuq is-sit elettroniku, www.education.gov.mt.